L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

San Bernard, li qegħdin nagħmlu t-tifkira tiegħu llum, twieled fi Franza fl-1090. Kellu familja sinjura u nobbli, u kbira; hu kien it-tielet fost sebat aħwa.

Meta kellu -il sena, mietet ommu. Din kienet għalih esperjenza tassew iebsa. Ġagħlitu jaħseb ħafna. Hu, li kien trabba fi mħabba kbira lejn Alla, beda jara liema hi t-triq tiegħu. Iddeċieda, fl-1112, li jidħol maċ-Ċisterċensi f’monasteru f’Citeaux ġewwa Franza. Miegħu daħlu 31 żagħżugħ ieħor, fosthom membri tal-familja tiegħu; daħlu kollha f’dan il-monasteru.

Hemmhekk għamel ftit snin, għax wara tliet snin, l-abbati ta’ dak il-monasteru talbu biex imur f’post ieħor, ħalli jibda monasteru ieħor – dak li fil-fatt sar magħruf ħafna, il-monasteru ta’ Clairvaux fi Franza, fejn San Bernard kien għal 38 sena bħala abbati tiegħu. Kien għadu żgħir, 25 sena, imma ddedika ruħu b’mod sħiħ għal din il-vokazzjoni, għal din il-ħidma, anke biex iġedded il-ħajja monastika. Irnexxielu mhux biss li hemmhekk ikun hemm monasteru ħaj, imma bis-saħħa ta’ dak il-monasteru ikun hemm oħrajn li ħarġu minn hemm; kien hemm diversi monasteri fi Franza u fl-Ewropa li ħarġu proprju mill-monasteru ta’ Clairvaux.

San Bernard kien magħruf ħafna għall-predikazzjoni tiegħu, u anke għall-kitbiet tiegħu li kellhom l-għeruq fil-kelma ta’ Alla – fl-Iskrittura – u fil-missirijiet tal-Knisja. Hu ta kontribut kbir f’dan.  Miet ta’ 63 sena, u ftit wara, fl-1174, il-Papa Alessandru III iddikjarah qaddis. Aktar ’il quddiem, il-Papa Piju VIII, fl-1830, iddikjarah duttur tal-Knisja minħabba l-kontribut kbir li ta bit-tagħlim tiegħu.

Meta aħna nwieġbu bl-imħabba tagħna, inkunu qegħdin ningħaqdu ma’ Alla – hu li jħobbna, aħna li nħobbuh, u hemm insibu tassew il-ferħ f’ħajjitna. Hi din l-imħabba li ġejja minnu, li tagħtina l-grazzja li aħna nwieġbu għaliha, u hemm insibu l-ferħ.

X’jgħallimna għal ħajjitna? Ħa nsemmi żewġ affarijiet li nara fost ħafna li hemm f’dan il-bniedem hekk għaref. San Bernard kellu mħabba kbira lejn Ġesù Kristu. Kien jgħid: aħna nistgħu nsiru nafu lil Alla jekk ikollna esperjenza personali u profonda ta’ Ġesù u tal-imħabba tiegħu. Kien ifissirha hekk: Alla, meta ħalaqna, ħalaqna bi mħabba; lilna jħobbna, kull wieħed u waħda minna. Is-sentiment li bih nistgħu nwieġbu għal dan hu proprju l-imħabba tagħna. Meta aħna nwieġbu bl-imħabba tagħna, aħna nkunu qegħdin ningħaqdu ma’ Alla – hu li jħobbna, aħna li nħobbuh, u hemm insibu tassew il-ferħ f’ħajjitna. Hi din l-imħabba li ġejja minnu, li tagħtina l-grazzja li aħna nwieġbu għaliha, u hemm insibu l-ferħ.

Imbagħad San Bernard jgħallimna wkoll xi ħaġa oħra importanti. Kien devot kbir tal-Madonna. Għandu ħafna riflessjonijiet sbieħ fl-omeliji tiegħu. Kien iħares lejn Marija bħala dik li teħodna għand Ġesù, permezz tagħha naslu għand Ġesù. Kien iħeġġeġ ħafna biex aħna nħarsu lejn Marija u minnha niksbu l-għajnuna. Hemm silta sabiħa ħafna minn omelija tiegħu, fejn jgħid hekk: “Fil-periklu, fit-taħbit, fl-inċertezza, aħseb f’Marija, itlob lil Marija. Jalla qatt ma titlaq minn fuq ilsienek, jew tgħib minn qalbek; u biex tikseb l-għajnuna tat-talb tagħha, qatt tinsa l-eżempji ta’ ħajjitha. Jekk issegwiha, m’intix se tieħu triq żbaljata; jekk titlobha, m’intix se taqta’ qalbek; jekk taħseb fuqha, ma titqarraqx; jekk iżżommlok idek, ma titfixkilx; jekk tipproteġik, m’għandekx minn xiex tibża’; jekk tmexxik hi, ma tegħjiex; jekk tkun miegħek, tilħaq l-għan tiegħek (ara Hom. II super “Missus est”, 17)”.

Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-qaddis li tant għamel ġid fil-Knisja u nitolbuh biex, bl-interċessjoni ta’ San Bernard, aħna jkollna dejjem imħabba kbira lejn Ġesù u lejn Marija, u biex nibqgħu niġu wkoll ispirati minn dan it-tagħlim sabiħ u għaref tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju