Nhar is-Sibt, 28 ta’ Awissu, 2010, il-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar, il-post tradizzjonalment assoċċjat man-nawfraġju u l-miġja ta’ San Pawl f’Malta, għalaq is-sena ddedikata lill-1950 anniversarju b’ċelebrazzjoni mill-aktar sinjifikanti.

Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’Quddiesa Solenni mmexxija mill-Arċisqof Pawlu Cremona, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar. Fl-aħħar tal-Quddiesa, l-Kan. Arċipriet tar-Rabat, Dun Louis Suban, ippreżenta ġebla mill-grotta ta’ San Pawl li ser titqiegħed fuq l-artal ta’ San Pawl fil-Knisja Parrokkjali. L-Arċisqof kixef lapida kommemorativa.

Wara l-Quddiesa, bdiet il-purċissjoni-pellegrinaġġ mat-toroq ta’ San Pawl il-Baħar bl-istatwa tal-Appostlu San Pawl li hi meqjuma fil-Knisja Parrokkjali, u bir-relikwija tad-driegħ ta’ San Pawl tar-Rabat. Il-purċissjoni tmexxiet mill-Arċipriet tar-Rabat, il-Kan. Suban. Il-purċissjoni-pellegrinaġġ waqfet quddiem is-Santwarju ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ fejn hemm saret ċerimonja sinjifikattiva. Inqrat is-silta mill-Atti tal-Appostli tan-nawfraġju ta’ San Pawl, tqabdet il-ħuġġieġa u saret l-istqarrija tal-fidi. Mad-dħul tal-purċissjoni ingħaded il-kurunella ta’ San Pawl u ngħatat il-barka sagramentali.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: info@photocityonline.com

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.