• ***

    Direttur:          M. Night Shyamalan

    Atturi:              James McAvoy, Bruce Willis, Anya Taylor-Joy, Sarah Paulson, Samuel L. Jackson, Spencer Treat Clark, Charlayne Woodard, Adam David Thompson u Luke Kirby

    Ħin tal-Film:    128 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Il-film GLASS, isegwi żewġ films li d-Direttur Shyamalan ipproduċa b’suċċess. Fis-sena 2000 ħareġ l-ewwel film bit-titlu: Unbreakable u fl-2016, Shyamalan ħareġ għal wiri t-tieni film: Split. Dawn it-tliet films jiffurmaw Triloġija Eastrail 177. Fil-bidu tal-film nitaqgħu ma’ David Dunn li qiegħed jaħdem ma’ ibnu Joseph biex juża l-qawwiet sovrumani li kellu biex jipproteġi lin-nies mill-kriminali. Hu jsir jaf minn ibnu li Kevin Wendell Crumb, li jbati minn Disordni ta’ Identità ta’ Dissoċjazzjoni (DID) kien qiegħed iżomm erba’ tfajliet ġewwa maħżen.

    Kevin Wendell Crumb, superuman li kien jippersonifika “The Beast”, kien ħoloq biża’ kbir fl-inħawi meta beda jaħtaf tfajliet li ħafna minnhom ma nstabu qatt. Il-kimika tal-ġisem ta’ Kevin kienet tinbidel ma’ kull personalità li kien juri, b’riżultat li l-erbgħa u għoxrin personalità li kien jippossjedi, kienu kollha jinġabru f’waħda magħrufa bħala “The Beast. David jiddeċiedi li jmur u jeħles lil dawn it-tfajliet. Meta jirnexxielu jeħles it-tfajliet, David jiltaqa’ ma’ Kevin bil-personalità ta’ “The Beast”. Hawn isseħħ ġlieda qalila bejniethom li spiċċat fit-toroq. Il-pulizija tiġi msejħa u kemm David kif ukoll Kevin, jispiċċaw arrestati u meħuda ġewwa istitut mentali fejn hemm kien ġa jinsab għal kura Elijah Price li fil-passat kellu x’jaqsam ma’ David. Dr Ellie Staple, t-tabiba prinċipali f’dan l-istitut, kienet qegħda taħdem ma’ pazjenti li kienu jikklejmjaw li kienu jippossjedu qawwiet speċjali. Biex tgħinhom irażżnu dawn il-ħsibijiet, ipprovat tipperswadihom li ma kienx minnu dak li kienu qed jaħsbu u li ma kienx hemm bnedmin li jippossjedu dawn il-qawwiet sovrumani.

    Dr Staple kienet temmen li dawn kienu morda mentalment. Sadanittant, Elijah kien qiegħed jaħdem bil-moħbi ma’ Kevin biex jinħeles “The Beast”u jesponih lid-dinja li vera kienu jeżistu s-supereroji. Bl-għajnuna ta’ “The Beast”, Elijah jirnexxielu jaħrab ukoll iżda David jintebaħ b’dak li kien ġara u joħroġ biex issegwihom. Hawn tinħoloq  ġlieda qalila bejn David u Kevin fid-daħla prinċipali barra l-istitut. Dr Staple tintebaħ x’kien qiegħed jiġri u ssejjah għall-għajnuna ta’  nies armati u li kienu jagħmlu parti minn soċjetà sigrieta kontra sovrumani. X’jiġri minn hawn?    

    Film Amerikan, dramm eċċitanti, hu taht id-direzzjoni u kitba ta’ M. Night Shyamalan. Minħabba tant vjolenza mdemmija kif ukoll  kliem goff  u profan, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.