L‑Arċidjoċesi ta’ Malta kkollaborat ma’ Infrastructure Malta biex għamlet ġnien fuq il‑bejt taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju tal‑Arċisqof, f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat. Il‑proġett, b’investiment ta’ €300,000 jinkludi ġnien ta’ 350 metru kwadru fuq il‑bejt b’730 siġra, arbuxelli u pjanti oħrajn, kif ukoll 50 siġra oħra ġdida taż‑żebbuġ li tħawlu fil‑ġonna tas‑Seminarju.

It‑tmexxija tas‑Seminarju ser issemmi dan il‑ġnien ‘Fr Nicholas Cachia Meditation Garden’ b’tifkira ta’ dan is‑saċerdot li ddedika ħajtu għall‑formazzjoni tas‑saċerdoti f’Malta u fl‑Istati Uniti u serva bħala direttur spiritwali tas‑Seminarju tal‑Arċisqof għal 17‑il sena. Il‑ġnien ser jikkumplimenta l‑ġonna li hemm madwar il‑binijiet tas‑Seminarju bħala post ieħor fejn l‑istudenti u s‑seminaristi jistgħu jsibu ambjent għall‑kwiet biex jaqraw u jistudjaw, kif ukoll għal waqtiet ta’ talb u riflessjoni. Waqt li huwa mgħammar b’sistemi ta’ irrigazzjoni modulari, dan il‑ġnien ġdid se jagħti wkoll l‑opportunità lill‑istudenti tal‑iskola tas‑Seminarju biex jieħdu ħsiebu u jipprattikaw bħala parti mill‑istudji tagħhom fl‑ortikultura waqt sessjonijiet tal‑garden club.

Il‑ġnien fuq il‑bejt jinkludi diversi speċi ta’ siġar u pjanti li huma adattati biex jikbru f’tali kundizzjonijiet, bħalma huma siġar taż‑żebbuġ, ġummar, klin, xorbett, sedum, salvja ta’ Malta, siġret il‑virgi, żebbuġija, lavanda, xebb jew siġra tal‑irmied, sempreviva ta’ Għawdex u widnet il‑baħar, li hija l‑pjanta nazzjonali Maltija. L‑ogħla parti tal‑ġnien hija ddedikata għal pjanti li jattiraw in‑naħal, friefet u insetti oħrajn dakkara.

Uħud mill‑ħitan ukoll huma miksijin bil‑veġitazzjoni, waqt li l‑poġġaman mad‑dawra tal‑ġnien huwa tal‑ħġieġ biex filwaqt li tkun imħarsa s‑sigurtà ta’ kull min iżur dan il‑post, dan ma jtellef xejn mill‑veduti sbieħ tal‑kampanja li hemm f’din iż‑żona tar‑Rabat. Biex il‑ġnien ma jkollux impatt fuq l‑istruttura tal‑binja ta’ taħtu, Infrastructure Malta ħadet ħsieb li jintużaw materjali ħfief mhux biss għall‑qsari u l‑pavimentar, imma anke t‑tipi ta’ ħamrija.

Dun Stephen Magro, id‑Direttur taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju, qal li l‑proġett ‘Fr Nicholas Cachia Meditation Garden’ huwa spazju ieħor qalb l‑ambjent naturali tal‑ġonna tas‑Seminarju li fih wieħed jista’ jqatta’ ftit ħin għall‑kwiet filwaqt li jiskopri iktar lilu nnifsu u l‑fidi tiegħu permezz tan‑natura. Dun Nicholas Cachia kien iħeġġeġ lil ħafna żgħażagħ sabiex ifittxu mumenti tas‑skiet biex jiltaqgħu mal‑Mulej. Żied jgħid li diversi tfal, adolexxenti u żgħażagħ se jagħmlu użu minn dan il‑ġnien, fosthom l‑istudenti tal‑iskola tas‑Seminarju, il‑membri tas‑Seminary Scout Group, kif ukoll dawk li jinġabru s‑Seminarju għal mumenti ta’ riflessjoni.

L‑Inġinier Fredrick Azzopardi, l‑Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, irringrazzja lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta u lit‑tmexxija tas‑Seminarju talli taw l‑opportunità lill‑aġenzija biex tinvesti fi proġett ambjentali ieħor fil‑komunità. Inizjattivi bħal dawn huma parti mill‑impenn ta’ Infrastructure Malta għas‑sostenibbiltà. Dan il‑proġett fis‑Seminarju għandu sinifikat akbar peress li ser jifforma parti mill‑iżvilupp edukattiv u l‑għarfien ambjentali ta’ ħafna tfal u żgħażagħ. L‑Inġinier Azzopardi rrimarka li l‑programm nazzjonali tal‑aġenzija għat‑tħawwil ta’ siġar riesaq lejn għeluq ir‑raba’ sena tiegħu, u fix‑xhur li għaddew kompliet tħawwel eluf ta’ siġar ġodda f’diversi postijiet differenti.

Il‑ġnien fuq il‑bejt tas‑Seminarju tal‑Arċisqof mhux l‑ewwel proġett ambjentali li sar minn Infrastructure Malta f’kollaborazzjoni mal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u entitajiet tagħha. Aktar kmieni din is‑sena, l‑aġenzija ħadmet ma’ Caritas Malta biex sit li kien abbandunat ħdejn id‑dar tal‑Komunità Terapewtika Residenzjali San Blas, f’Ħaż‑Żebbuġ, bidlitu f’‘Bosk it‑Tama”, bħala spazju ta’ riflessjoni bi 352 siġra u arbuxell. Is‑sena l‑oħra, Infrastructure Malta ħawlet 1,400 siġra ġdida fil‑ġonna tad‑Dar tal‑Kleru, f’Birkirkara, u b’hekk tat ħajja ġdida lil dan il‑pulmun f’waħda mill‑ftit artijiet li għadhom mhux mittiefsa bil‑bini f’din il‑lokalità. L‑aġenzija ħawlet ukoll aktar siġar f’diversi spazji oħrajn miftuħin li huma amministrati mill‑Knisja.