L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-ewwel nett nixtieq nifirħilkom, għeżież ħbieb, u nifraħ magħkom f’Jum il-Gradwazzjoni. Il-laqgħa tagħna flimkien hawnhekk hi ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament lil Alla, li minnu jiġina kull ġid. Intom qed tgħidulu grazzi għall-għajnuna tiegħu tul is-snin biex intom ilkoll stajtu taslu għal Jum il-Gradwazzjoni tagħkom. Żgur li għaddejtu kultant minn żmien iebes, speċjalment iż-żmien meta kienet qawwija l-pandemija Covid-19 u din ġabet tħarbit f’diversi oqsma. Imma wasaltu, u dan hu ta’ ġieħ għalikom, u ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla.

Ngħidu grazzi wkoll lill-Università, lill-istaff akkademiku u l-ħaddiema l-oħra, lil dawk li mxew magħkom tul is-snin tal-istudju, u kienu ta’ għajnuna u ta’ appoġġ għalikom. Il-Gradwazzjoni tal-istudenti hi dejjem għalihom ukoll okkażjoni ta’ ferħ u sodisfazzjon.

Uffiċċjal Pubbliku li ltaqa’ ma’ Ġesù

L-Evanġelju tal-lum (Lq 19:1-10) jurina lil dan ir-raġel, Żakkew, uffiċjal pubbliku, li kellu kurżità biex jara min kien Ġesù. Minħabba l-folla ma setax jara sew, u għalhekk tela’ ma’ siġra. Kienet din l-inizjattiva kreattiva tiegħu li għenitu biex jista’ jara lil Ġesù, imma li kellha riżultat ħafna aqwa għax Ġesù ħares hu ’l fuq, kellem lil Żakkew u qallu li jixtieq jiltaqa’ miegħu d-dar. Nafu li din kienet laqgħa li ġabet f’Żakkew bidla kbira, b’mod li hu ħareġ minnu nnifsu, ma baqax jara biss l-interessi tiegħu, imma wera li jrid jaħseb fl-oħrajn.

Din il-ġrajja tista’ tkun ta’ għajnuna għalikom intom u tiċċelebraw, f’Jum il-Gradwazzjoni, is-suċċess tal-istudji tagħkom.

Ġesù jġib bidla pożittiva

L-ewwel nett, nixtieqkom tiftakru li l-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja tagħkom għandha dejjem effett pożittiv u, fejn meħtieġ, iġġib bidla li tiswa tassew ta’ ġid. Għalhekk inħeġġiġkom biex tfittxu lil Ġesù f’ħajjitkom. Tindunaw, bħal Żakkew, li hu jkun qed ifittixikom qabel, li hu jkun irid li jiġi f’kuntatt mill-qrib magħkom.

Għal Ġesù kull persuna hi importanti, u hu jagħti attenzjoni speċjali lil dawk li huma mbegħdin. Ġesù kien imdawwar minn folla nies, imma tefa’ għajnejh fuq xi ħadd li ma kienx parti mill-folla, xi ħadd li ma tantx kien popolari man-nies.

Innutaw ukoll kif il-folla kienet ta’ tfixkil għal Żakkew – minħabba fiha ma setax jara lil Ġesù; u kienet ta’ tfixkil għal Ġesù – għax bdiet tgerger fuqu li mar għand wieħed midneb. Din hi ta’ dawl għal ħajjitna. Fil-ħajja jkollna diversi mumenti meta l-folla tista’ tkun ta’ tfixkil għalina. Il-folla qed nifhem biha dak li jaħsbu ħafna nies madwarna, il-pressjoni li ġieli jkollna min-nies. Il-parir tiegħi hu: tagħmlux l-għażliet tagħkom fil-ħajja ibbażati fuq dak li tkun qed tagħmel il-folla. Fejn meħtieġ, inqatgħu mill-folla biex tagħżlu dak li hu sewwa, ħalli tkunu dejjem nies ta’ konvinzjoni u mhux ta’ konvenjenza.

Kif tafu, il-laqgħa ta’ Żakkew ma’ Ġesù ħalliet f’ħajtu ġid kbir. L-aktar li gawdew kienu n-nies li kienu fil-bżonn, kif ukoll dawk li seta’ qarraq, li mbagħad għamel il-ħsieb li jpattilhom bil-ġid għall-ħażin li seta’ għamel. It-trasformazzjoni li jġib Ġesù f’ħajjitna mhux biss tagħmel il-ħajja tagħna isbaħ, imma wkoll ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikunu qrib tagħna jew ikollhom kuntatt magħna.

Servizz xieraq b’onestà u b’integrità

Nixtieq inħeġġiġkom biex fil-qadi tal-professjoni tagħkom, intom dejjem taħsbu kif tistgħu tagħmlu l-ħajja tal-oħrajn isbaħ u aħjar. Is-salm tal-lum ifakkarna kemm hu sewwa “min ma jagħmilx deni lil ġaru, min ma jgħajjarx lil għajru” (Salm 15:3). San Pawl, fl-Ittra lill-Kolossin. jgħidha b’mod pożittiv: “Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar…u fuq kollox ilbsu l-imħabba” (Kol 3:13-14). Lin-nies istmawhom, uruhom li tirrispettawhom, li tridulhom il-ġid. Tħarsux lejhom bħala numri jew oġġetti, imma bħala individwi bil-personalità u l-ħtiġijiet tagħhom, li lilhom tridu tagħtu servizz xieraq.

Żakkew jitkellem fuq il-passat tiegħu fejn seta’ qarraq bin-nies. Intom għandkom sfida kbira biex fil-professjoni tagħkom timxu b’onestà u b’integrità. Ftakru li l-onestà hi dejjem rebbieħa għax tgħinek biex tkun raġel jew mara tal-affari tiegħek. Għalhekk, tħallux il-flus imexxukom huma fil-ħajja, tħalluhomx jagħmukom u jġagħlukom tfittxu li tapprofittaw ruħkom mill-pożizzjoni tagħkom. Meta huma mezz xieraq għal ħajja deċenti, il-flus jagħmlulna l-ġid; jekk isiru għan flok mezz, jekk isiru s-sidien tal-ħajja tagħna, ma jħalluniex nimxu b’mod għaqli u jħarbtu ħajjitna. Żakkew jgħallimna ħafna dwar dan.

Etika konsistenti favur il-ħajja

Nixtieq nagħmlilkom proposta: li fil-qadi tal-professjoni tagħkom, u fil-kontribut kreattiv li tagħtu lis-soċjetà, iżżommu dejjem f’qalbkom u fl-għażliet kollha tagħkom etika konsistenti favur il-ħajja umana – il-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument li tibda teżisti, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha.

Din l-etika konsistenti tgħinna nkunu dejjem favur il-protezzjoni tal-ħajja – qed ngħid, pereżempju, fis-sewqan bil-galbu, fil-miżuri għall-protezzjoni tal-ħajja fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna, fil-ħarsien tal-ambjent minn żvilupp qerriedi li nafu kemm hu ta’ detriment għall-ħajja, fl-attenzjoni minn sustanzi li huma ta’ ħsara għall-ħajja. Il-ħajja hi don ta’ Alla – ngħożżuha. L-aqwa żmien hu ż-żmien meta nħarsu u ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. L-agħar żmien hu meta neqirduha.

Nitlob lill-Mulej iberikkom, ibierek lill-għeżież tagħkom u lil dawk kollha li akkumpanjawkom tul is-snin. Nitolbu jkun magħkom fis-snin li ġejjin ħalli tkunu tistgħu tagħtu kontribut siewi u kreattiv lis-soċjetà Maltija u tagħmlu tassew suċċess fil-professjoni tagħkom billi tfittxu li tkunu ta’ servizz b’onestà, b’integrità, u b’etika konsistenti favur il-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Aktar ritratti >>