• ***

    Direttur:          Neil Jordan

    Atturi:              Isabelle Huppert, Chloè Grace Moretz, Maika Monroe, Colm Feore, Stephen Rea, Zawe Ashton, Graeme Thomas King, Parker Sawyers u Jeff Hiller

    Ħin tal-Film:    98 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18       

    Frances McCullen, tfajla Amerikana, taħdem bħala waitress u tgħix ħajja trankwilla f’appartament ma’ Erica Penn, ħabibtha ġewwa New York. Dan l-aħħar tilfet lill-ommha bil-marda tal-kan“ċer u sfortunatament tinsab f’relazzjoni sfurzata ma’ missierha li moħħu kien biss fuq in-negozju li kien imexxi. Waqt li kienet fuq tren f’subway, tinnota li xi ħadd kien ħalla handbag. Meta marret fl-appartament bih, Frances issir taf li dan kien ta’ mara, suppost Franċiża, bl-isem ta’ Greta Hideg, għalliema tal-pjanu. Frances tmur fl-indirizz indikat fejn kienet toqgħod Greta biex trodd lura l-handbag. Greta tistieden lil Frances biex tieħu kafè magħha u tirrevela li hi kienet armla u li kellha tifla tistudja fi Franża. Wara din l-ewwel laqgħa, Frances baqgħet tmur għandha biex iżżommha kumpanija.

    Lejla waħda, waqt li Greta kienet qegħda tipprepara l-ikla ta’ filgħaxija, talbet lil Frances biex tmur u ġġib xi ħaġa minn sideboard. Bi żball tiftaħ in-naħa fejn hemm issib numru ta’ handbags li fuqhom kien hemm ismijiet u numri ta’ telefons ta’ persuni li Greta kienet taf, inkluż tagħha stess. Frances tibda tinkwieta u tiddeċiedi li taqta’ kull rabta ma’ Greta. Iżda fi żmien qasir, Greta tibda tqis il-passi tagħha li min-naħa tagħha turiha li din l-imġieba xejn ma kienet qegħda tieħu pjaċir biha. Barra minn hekk, hi tibda tirċievi mingħandha numru ta’ messaġġi kif ukoll ċempil spiss fuq il-mobile. Spiss Greta kienet tidher barra r-ristorant fejn kienet taħdem Frances. Kien għalxejn li Frances wissiet lil Greta biex ma tkompliex idejjaqha.

    Darb’oħra Greta marret fl-appartament fejn kienu joqgħodu Frances u Erica. Ftit jiem wara Greta wkoll marret fir-ristorant bi skuża biex tiekol u hemm ħolqot konfużjoni tant li spiċċat meħudha l-isptar. X’sejra tagħmel Frances meta ssir taf li Greta kienet ħarġet mill-isptar u ssir taf ukoll, li wara kollox, bint Greta kienet wettqet suwiċidju u li mhux veru li qatt kienet Franża?  X’jiġri meta Greta taħtaf lil Frances?  X’sejjer isir minnha meta ssib ruħha f’din il-qagħda?

    Film Irlandiż – Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Neil Jordan u kitba ta’ Ray Wight.  Minħabba it-tema tal-film fejn niltaqgħu ma’ persuna psikopatika u li kienet lesta li tkun aggressiva u perikoluża, kif ukoll l-vjolenza u l-mezzi li użat, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.