L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fl-istorja tat-twelid ta’ Ġesù, fl-Evanġelju skont San Luqa, hemm dik is-silta fejn Marija u Ġużeppi kienu qed ifittxu post fejn seta’ jitwieled Ġesù. U hemm sentenza li hi verament ta’ swied il-qalb. Tgħid: “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Luqa 2:7). Darba minnhom kont f’laqgħa ta’ talb, u kien hemm żagħżugħ li għamel din it-talba marbuta ma’ din il-ġrajja: “Mulej, agħmel li qalbna tkun bħal dak l-għar vojt u mhux bħal-lukanda mimlija. Biex tkun tista’ tilqgħek fiha”.

Din it-talba tfakkarni ħafna f’dak li rajna llum fl-Evanġelju, għax hu proprju dan li Ġesù xtaq mir-raġel li ġie jistaqsih xi jrid jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem: ried li hu jkollu dak li jista’ tassew jimla lil qalbu. Ġesù jsemmilu l-ewwel il-kmandamenti, u dan jgħidlu li kollha kien iħarishom. Imbagħad jgħidlu li kien jonqsu ħaġa: “mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, imbagħad ejja u imxi warajja.” Ġesù għamillu stedina, tah għażla: int għandek ħafna ġid li qed jokkupalek ħajtek. Minfloku, ħa nimla qalbek jien.  Iżda r-raġel qarras wiċċu u telaq qalbu sewda.

Magħluq fih innifsu

Naħseb dakinhar, Ġesù kien daqsu qalbu sewda, għax ra li l-ġid li kellu dak ir-raġel kien qed iżommu marbut, magħluq fih innifsu. Ma kienx bniedem ħażin, altru. Kien bniedem li jsegwi l-kmandamenti ta’ Alla, kellu prinċipji etiċi għall-ħajja tiegħu. Imma għalih ir-reliġjon kienet tfisser biss li tobdi l-liġijiet, li tħares il-kmandamenti, issegwi dak li hemm miktub, speċjalment biex ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn. Ġesù ried jgħinu jinżel aktar fil-fond b’mod li l-fidi tkun tfisser għalih li jagħżel lil Alla fuq kollox u qabel kollox – li Alla jkun it-teżor ta’ ħajtu.

Ġesù hu kontra r-rabta esaġerata mal-ġid, rabta li ċċajpar il-viżjoni verament Nisranija tal-ħajja.

X’messaġġ qed jagħtina Alla llum bil-kelma tiegħu? L-ewwel nett, nibdew minn fejn beda Ġesù: il-ħarsien tal-kmandamenti. Isemmi: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor… huma dawn li jgħinu biex ikollna tassew soċjetà tajba. Jekk naħsbu ftit, nintebħu li l-kmandamenti jgħinu biex ikollna soċjetà fejn ngħixu ta’ nies u fejn nirrispettaw il-ħajja ta’ ħaddieħor. Kultant ikun hemm min jgħid li l-kmandamenti ta’ Alla qegħdin għal min jemmen f’Alla. Imma, biex nieħdu eżempju, “la toqtolx” mhux qiegħed biss biex min hu Kattoliku ma joqtolx, u min mhux jista’ joqtol, imma hu għal kulħadd. Huma verament dawn il-kmandamenti li jistgħu jgħinu biex fil-bini ta’ soċjetà fejn nistgħu nirrispettaw lil xulxin u ngħixu ta’ nies.  

Ir-rabta li ma tħallikx taħseb fl-oħrajn

It-tieni, irridu nikkoreġu impressjonijiet żbaljati: Ġesù mhux qed jgħid jew jagħti x’jifhem li l-flus u l-proprjetà huma fihom infushom xi ħaġa ħażina. Dawn huma meħtieġa għall-ħajja. Huma mezzi importanti, u tajbin daqskemm ikunu jgħinuna għal ħajja xierqa. U jidher li dan ir-raġel kien ħadem u stinka għall-ġid li kellu; il-ġid ma jidhirx li kien frott tal-ħasil tal-flus, jew ta’ korruzzjoni, jew għax stagħna a spejjeż ta’ ħaddieħor. 

Ġesù hu kontra r-rabta esaġerata mal-ġid, rabta li ċċajpar il-viżjoni verament Nisranija tal-ħajja. Meta l-flus, il-proprjetà, dak li nippossiedu, isiru l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja, isiru idoli u jaqilbu ta’ taħt fuq l-istess valuri tal-ħajja. Meta tħares lejn ħaddieħor u trid bilfors aktar, biex tkun bħal ħaddieħor jew aħjar minnu, qalbek ma tistax tkun fil-paċi. Dan ir-raġel, meta Ġesù għamillu l-istedina u hu rrifjuta u telaq ’l hemm, telaq “qalbu sewda”. Baqa’ bil-ġid li kellu, imma qalbu sewda. Il-ġid li kellu ma setax jimlielu l-qalb tiegħu.

Speċjalment ninnutaw ħaġa partikulari. Meta lil dak ir-raġel Ġesù semmielu l-kmandamenti, hu wieġbu: “Jien dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imma meta semmielu l-fqar, ir-raġel ma qallux: “Jien ngħinhom lill-fqar ukoll!”. Ma semmielu xejn. Ir-raġel kien wisq magħluq fih innifsu, marbut mal-ġid li għandu, u minħabba f’hekk ma kienx jaħseb f’dawk li huma fil-bżonn.

Il-ħajja tagħna Nisranija qatt ma għandha tagħlaqna fina nfusna, tħallina biss medhija bina nfusna, u ma naħsbux f’dawk li huma fil-bżonn. Hu meta naħsbu fl-oħrajn li Alla jista’ jkun tassew it-teżor fil-ħajja tagħna.

Hu jimla l-qalb tagħna

It-talba li nagħmlu lil Alla hi biex hu jkun tassew it-teżor f’ħajjitna. Meta hu jkun fl-ewwel post u meta hu jimla l-qalb tagħna, imbagħad jurina kif għandna nużaw il-ġid li jkollna b’mod li jservina tajjeb għall-ħajja tagħna, tal-familja u tal-oħrajn, u b’mod li qatt ma jtellifna mill-ġid li jibqa’ għal dejjem.

Nitolbu lill-Mulej biex il-ġid li jkollna ma jkun qatt mażżra ma’ għonqna, li jtellifna l-paċi, imma jkun għodda biex nistgħu nagħmlu l-ġid, u speċjalment il-ġid li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju