L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hija b’għafsa ta’ qalb li naqraw l-istorja ta’ dan ir-raġel li kien ilu 38 sena marid. Imma mhux biss kien ilu daż-żmien kollu marid, imma kien ilu daż-żmien kollu wkoll bit-tama li xi darba jkollu l-okkażjoni li jfiq, u qatt ma rnexxielu. Dak iż-żmien in-nies kienu jinġabru fejn il-menqa biex jinżlu fl-ilma, u kien hemm it-twemmin li min jinżel l-ewwel ifiq. Hu kien dejjem bit-tama li jkun jista’ jinżel iżda qatt ma rnexxielu.

Mhux biss kien marid imma kien iħossu abbandunat, iżolat, waħdu, mingħajr ebda appoġġ u għajnuna. Għalhekk Ġesù jmur fuqu, min-nies kollha li kien hemm, u jfittex li jfejjaq lilu. Dan il-bniedem tant kien iddispjaċut, li meta meta Ġesù staqsieh “Trid tfiq?”, lanqas qallu iva, imma lmenta fuq l-esperjenza tiegħu. Ġesù qallu: “Qum, aqbad friexek, u imxi”.

Tant ħasdu lil dan, li meta qabad friexu naħseb telaq jiġri, għax kif jgħid ir-rakkont, lanqas kien jaf min fejqu. Mhux biss ma kienx jaf min kien Ġesù, imma lanqas l-isem ta’ min fejqu ma kien jaf.

X’naraw f’dil-ġrajja li tgħodd ħafna għall-ħajja tagħna? Hemm Ġesù li juri l-wiċċ veru ta’ Alla: Alla li jħobb, li mimli kompassjoni għall-bniedem u li jfittex l-akbar ġid tal-bniedem. Fil-fatt Ġesu fejqu, fittex lilu li kien qisu abbandunat mill-oħrajn, imma mhux biss fejqu imma wara, meta sabu, Ġesù qallu: “Qis li ma tidnibx iżjed biex ma tiġrilekx xi ħaġa agħar”. Mhux għax jekk tidneb se terġa’ timrad, imma għax id-dnub – li int titbiegħed minn Alla – huwa agħar minn kull mard. Ġesù riedlu l-ġid sħiħ tiegħu, u Alla hekk irid għalina, il-ġid sħiħ tagħna.

Barra minn hekk, tolqotni ħafna kif Ġesù juri mhux biss il-wiċċ veru ta’ Alla, imma juri wkoll kif aħna li nimxu warajh għandna nkunu.

Nixtieq nagħmel dawn iż-żewġ talbiet. L-ewwel nett li aħna nħarsu dejjem lejn Alla bħala Alla li jħobbna, mimli kompassjoni għalina, li jfittex il-ġid sħiħ tagħna. Imma wkoll li jagħtina qalb tixbah lil tiegħu, jiġifieri mimlija mħabba u kompassjoni, speċjalment għal dawk li huma waħedhom, li jħossuhom abbandunati jew iżolati jew b’xi mod maqtugħin.

Nafu li bħalissa mhijiex is-soluzzjoni li mmorru nżuruhom, anzi nkunu qed nagħmlulhom ħsara jekk immorru viċin in-nies li huma morda jew li huma waħedhom. Imma hemm mezzi oħra kif nistgħu nuruhom tassew is-solidarjetà, l-imħabba, u ngħinuhom iħossuhom li għandhom l-appoġġ li jeħtieġu. Biex ħadd ma jbati waħdu. Ħadd ma għandu jgħaddi minn tbatija waħdu jew waħedha.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja li lilu nagħrfuh bħala Alla li jħobbna u jixtiqilna l-aqwa ġid, imma wkoll li aħna jkollna qalb tixbah lil tiegħu, u nfittxu li bħalu nuru mħabba u kompassjoni speċjalment ma’ dawk li huma l-iktar fil-bżonn.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju