• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    18 ta’ Diċembru 2017

    San Ivo, patrun tal-avukati, li għex fis-seklu tlettax u l-bidu tas-seklu erbatax (1253-1303) u ġie kanonizzat fl-1347 iġorr miegħu sentenza partikulari li ssibha f’diversi rappreżentazzjonijiet tiegħu u nimmaġina li intom familjari magħha. Bil-Latin: “Sanctus Ivo erat brito, advocatus et non latro, res miranda populi”.

    Naturalment, dan intqal ħafna snin ilu u ’l bogħod minn Malta.

    F’din l-iskrizzjoni hemm miġbur qabelxejn il-ġieħ li jingħata lil San Ivo li bħala avukat u mħallef kien jimxi b’mod ġust u imparzjali, jiddefendi d-dgħajfa u l-foqra, u jħares lejn in-nies bħala dawk li taqdihom bl-aħjar mod, mhux tinqeda bihom. Kien jiddefendi lill-bniedem minn kull abbuż u prepotenza. L-istorja tiegħu tixhed dan. Jingħad li għalkemm dak iż-żmien kienet prattika komuni li wieħed jagħti rigali lill-imħallfin, San Ivo kien jirrifjuta għal kollox li b’xi mod jinxtara jew xi ħadd jaħseb li qed jinxtara.

    Il-valuri tal-ħajja ta’ San Ivo huma sewwasew dawk li naqraw ukoll illum fil-Kelma ta’ Alla għax fis-siltiet kollha hemm l-enfasi fuq l-għaqal, il-ġustizzja, is-sewwa. Il-Profeta Ġeremija jitkellem fuq dak li għandu “jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.” Fis-Salm għedna “tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u s-sliem” li tfakkarna li ma jista’ jkun hemm ebda sliem jew rikonċiljazzjoni mingħajr ġustizzja; u s-salm jitkellem fuq dak li “jiġġudika l-poplu bil-ġustizzja u l-imsejknin bil-ħaqq”. U l-Evanġelju jiffoka fuq Ġużeppi, ir-raġel ġust. Iktar mis-saltna tad-dritt, il-Kelma ta’ Alla dejjem tenfasizza s-saltna tal-ġustizzja biex jista’ jkun hemm tassew is-saltna tad-dritt.

    Għalhekk, aħna u niċċelebraw lil San Ivo, tajjeb niffokaw fuq dawn it-tliet valuri li huma tant marbutin ma’ xulxin: l-għaqal, il-ġustizzja, is-sewwa. Hi s-sejħa speċjali li għandkom intom li hi wkoll responsabbiltà.

    Illum niċċelebraw lil dawk kollha li fis-skiet u fil-kwiet qed jaqdu din ir-responsabbiltà, bla biża’ u bla favuri, u nirringrazzjaw lil Alla tagħhom. Dawk li bħal San Ivo, fil-fidi f’Alla, qed isibu għajnuna kbira biex jimxu b’għaqal, b’ġustizzja u b’mod rett, u dejjem għall-ġid tal-persuni li rridu nservu.

    Fil-fatt, il-messaġġ importanti li jagħti San Ivo u li turi l-Kelma ta’ Alla hu li l-fidi f’Alla mhijiex xi bias, xi ħaġa parzjali li b’xi mod ittellfek milli tħaddan l-għaqal, il-ġustizzja u s-s-sewwa, anzi hi l-assigurazzjoni tagħha; il-fidi twasslek għal dawn il-valuri.

    “Advocatus et non latro, res miranda populi”. Min kiteb din l-iskrizzjoni, minbarra l-ġieħ li ried jagħti lil San Ivo, ma tantx jidher li kellu impressjoni tajba tal-avukati inġenerali, għax qed jgħid li hu ta’ stagħġib għall-poplu li dan kien avukat u mhux ħalliel. Imma, min-naħa l-oħra, mhijiex hekk il-prattika tal-Knisja, li twassal pjuttost impressjoni pożittiva tal-avukati meta fit-talba popolari tas-Salve Regina, lill-Madonna titlobha: “Advocata nostra”. L-eqdem ikona tal-Madonna f’Ruma (fil-kunvent tas-Sorijiet Dumnikani, Via Trionfale f’Monte Mario) għandha sewwasew dan it-titlu “Adovacata nostra”. Lil Marija ngħidulha: “Ejja, mela, avukata tagħna”. Jekk lil Marija nsejħulha avukata, dan hu sinjal ta’ ġieħ.

    Nitolbu llum, f’din iċ-ċelebrazzjoni, li l-avukati jżommu lil San Ivo u lill-Madonna bħala l-ideali li jispirawhom fil-qadi tal-professjoni tagħhom – ħalli jsaltnu dejjem l-għaqal, il-ġustizzja u s-sewwa.

    Mons. Joe Galea Curmi

    Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta