L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għeżież ħbieb, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Gradwazzjoni, nixtieq minn qalbi nifirħilkom għall-kisbiet tagħkom. Dan hu jum tassew sabiħ għalikom, fejn qed taħsdu l-frott tal-istudji tagħkom. Għandkom għax tiċċelebraw u tifirħu flimkien! Wara snin ta’ studju, kultant fi żmien diffiċli bħalma kienet u għadha l-esperjenza tal-pandemija Covid-19 bit-tħarbit li ġabet magħha, b’ħafna diffikultajiet u sfidi ġodda, intom irnexxielkom tegħlbu l-ostakli biex stajtu taslu għall-jum speċjali tal-gradwazzjoni.

Illum f’dan il-Konkatidral, intom qed tirringrazzjaw lil Alla tas-suċċess tagħkom, lilu li dejjem hu l-għajn ta’ kull ġid. Alla hu dejjem magħna biex jakkumpanjana f’ħajjitna u jgħinna nimxu ’l quddiem.

Huma ħafna dawk il-persuni li żgur tirringrazzjaw ta’ dan is-suċċess tagħkom. Hawnhekk flimkien mal-grazzi lil Alla, qed tirringrazzjaw ukoll lill-edukaturi u lill-istaff fl-Università u dawk li akkumpanjawkom tul is-snin – ġenituri, familji, ħbieb – biex għenukom ħalli taslu għal Jum il-Gradwazzjoni.

Valuri rebbieħa

Il-kelma ta’ Alla llum tkellimna fuq l-għerf veru – l-għerf li ġej minn Alla, l-għerf tal-moħħ u tal-qalb, u li jgħinna biex ħajjitna tkun ħajja sabiħa u mibnija fuq is-sod.

Nixtieq nagħmlilkom illum din l-istedina: li intom u tħarsu ’l quddiem, taħsbu bis-serjetà kif tistgħu l-ħajja tagħkom tibnuha b’għerf fuq sisien sodi, il-valuri li jistgħu jmexxukom fil-ħajja.

Biżżejjed nimxu mat-toroq tagħna biex naraw dan il-frott ta’ regħba akkost ta’ ħsara lill-ambjent naturali. Hawn bini li jibqa’ simbolu qawwi ta’ fejn twassal ir-regħba.

Il-Kelma ta’ Alla turina liema huma l-valuri li jistgħu jispirawkom biex tqiegħdu fl-ewwel post dak li l-aktar jiswa, il-valuri li huma verament rebbieħa fil-ħajja.

Onestà u integrità

Insemmi l-ewwel nett il-valur tal-onestà – li intom tagħrfu tgħixu l-professjoni tagħkom b’onestà sħiħa, b’mod li tfittxu dejjem dak li hu sewwa, dak li jixraq, dak li hu responsabbli, anke jekk tkunu f’ambjent fejn dan ma jinħassx.

Hi din l-onestà li tgħinkom biex f’ħajjitkom ma tkunux nies li tqabblu fejn jaqbel, li tfittxu li tgħaddu minn fuq l-irjus ta’ ħaddieħor akkost li takkwistaw dak li tridu, li tfittxu dak li lilkom jaġevolakom anke jekk dan ifisser li tgħawġu l-prinċipji. Għandna biżżejjed mudelli ta’ tfixkil fil-ħajja, li jistgħu jagħtuna l-impressjoni li dak hu s-suċċess, li dak hu li jagħmlek kuntent; imma l-esperjenza tal-ħajja turina li din hi falza. Hi l-onestà u l-integrità, anke meta dan kollu jfisser sagrifiċċju personali, li jħalluk tassew fil-paċi u li, meta jgħaddu s-snin, jagħmluk kuntent fil-qadi tar-responsabbiltajiet tiegħek.

Meta tmexxik l-onestà, ma tħarisx lejn il-flus jew il-ġid li tista’ takkwista mill-professjoni bħala għan fih innifsu, imma tiftakar li l-flus u l-ġid huma mezz. Tajbin jekk jaqduna f’dak li hu sewwa, ħżiena jekk jikkmandawna huma u jwassluna għal dak li hu ħażin. Tagħmlu suċċess fil-professjoni tagħkom mhux kemm tagħmlu flus imma kemm tagħmlu ġid lill-oħrajn.

Nafu li teżisti mentalità mifruxa ta’ regħba, kilba biex dejjem takkwista aktar, u tagħmel ukoll dak li mhux sew. Biżżejjed nimxu mat-toroq tagħna biex naraw dan il-frott ta’ regħba akkost ta’ ħsara lill-ambjent naturali. Hawn bini li jibqa’ simbolu qawwi ta’ fejn twassal ir-regħba.

Is-soċjetà Maltija għandha bżonn nies li jaħdmu b’onestà, b’integrità, li jagħrfu jagħżlu dak li hu xieraq u sewwa, li jirrifjutaw li jidħlu f’xibka ta’ regħba.

Aħna u nħarsu lejn l-onestà, nixtieqkom tiftakru u żżommuh bħala prinċipju għal ħajjitkom, li l-ħażin mhuwiex ħażin għax xi ħadd jaqbdek tagħmlu, jew għax xi ħadd li jkun sħab miegħek f’mument minnhom jikxfek li għamiltu, imma l-ħażin hu ħażin fih innifsu. Jista’ jirnexxilek tqarraq b’diversi nies fil-ħajja, għax forsi tkun kapaċi taħdem it-triq tiegħek ta’ qerq, imma l-ħażin jibqa’ ħażin u fil-fond ta’ qalbek taf li dik mhix ħajja li qatt tista’ tagħtik il-paċi.

Ħajja u Dinjità

Jgħinkom żgur tgħixu l-professjoni tagħkom b’mod sabiħ il-valur tar-rispett sħiħ lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna. Il-ħajja umana għandna dejjem ngħożżuha. Ma għandhiex taqa’ vittma tal-kultura tal-iskart, fejn tispiċċa tintrema.

Sfida li se jkollkom fil-professjoni tagħkom hi biex ma tħarsux lejn in-nies qishom kienu oġġetti jew numri, imma tħarsu lejhom b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tagħhom. Għalina kull persuna għandha tkun għażiża, u hi xbieha ta’ Alla, hi x’inhi r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, il-lewn tagħha, il-ġeneru tagħha, u kull tip ta’ diversità oħra.

L-esperjenza tal-ħajja turina kemm is-soċjetà tkun aħjar meta nistmaw lil xulxin ta’ bnedmin, b’umanità kbira. Ftakru fil-qadi tal-professjoni tagħkom li l-ġentilezza, il-ħlewwa u s-sensitività mhumiex sinjali ta’ dgħufija imma sinjali ta’ qawwa, u ta’ dinjità. Huma valuri rebbieħa. Bħal San Martin, li tiegħu qed nagħmlu t-tifkira llum, aktar ma taħsbu fil-ħtiġijiet tal-oħrajn u tgħinuhom, akbar ikun is-sodisfazzjon fil-ħajja.

Talenti u Kreattività

Nixtieq illum inħeġġiġkom biex, waqt li timxu ’l quddiem fil-professjoni tagħkom, tagħtu kontribut attiv fis-soċjetà Maltija.

Intom għandkom żgur ħafna talenti, li l-Mulej takom u li intom ġa żviluppajtu fis-snin tagħkom fl-Università, permezz tal-istudju, u attivitajiet oħra flimkien ma’ sħabkom. Nagħmlilkom dan l-appell biex tqiegħdu l-ħiliet, it-talenti u l-kreattività tagħkom għall-ġid tas-soċjetà Maltija. Intom żgħażagħ, is-soċjetà tal-lum mhux biss is-soċjetà ta’ għada. Għandkom l-enerġija biex taħdmu għat-trasformazzjoni tas-soċjetà, u l-preżenza u l-kontribut tagħkom żgur jagħmlu differenza. Kunu attivi fil-ħajja politika, kulturali, soċjali, fil-ħajja pubblika, semmgħu leħinkom favur soċjetà ġusta li tistma lill-bniedem, u agħtu xhieda tal-valuri li jibnu din is-soċjetà. Għeżież ħbieb, illum se nitlob lil Alla biex ikun magħkom u jgħinkom biex fil-professjoni tagħkom taħsdu l-frott tal-istudji li għamiltu. Se nitolbu biex jagħtikom kull għajnuna quddiem l-isfidi li tiltaqgħu magħhom fil-ħajja. Nitolbu lill-Mulej biex jagħtikom l-għerf li jgħinkom tagħżlu t-tajjeb mill-ħażin, dak li hu veru minn dak li hu falz, dak li hu xieraq minn dak li hu tal-mistħija, dak li jibni lil ħajjitkom minn dak li jħottha, dak li jmexxikom ’il quddiem fil-ħajja minn dak li jdaħħalkom fi sqaq. Il-Mulej iberikkom u jħariskom dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju