L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Il-ġrajja tat-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù hi proprju fil-bidu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Ġesù, wara l-mewt u l-qawmien tiegħu, iltaqa’ kemm-il darba mad-dixxipli tiegħu. Uriehom li hu ħaj, u fl-aħħar, meta kien se jitla’ s-sema, tahom il-missjoni li huma jkomplu l-ħidma tiegħu sa truf l-art kollha. Għalhekk, fil-bidu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli hemm il-ġrajja ta’ meta jagħtihom din il-missjoni, u mbagħad jitla’ s-sema.

Imma x’ifisser li Ġesù “tela’ s-sema”? Kultant ikollna idea żbaljata. Mhux bħal meta xi ħadd jemigra, jew isiefer fit-tul, jew jisparixxi fl-ispazju. It-tlugħ tal-Mulej fis-sema jfisser li Ġesù, bil-ġisem glorjuż, qiegħed issa fil-milja tal-ħajja ta’ Alla. Għallhekk, din mhijiex biss festa tiegħu imma hija wkoll festa tagħna. F’din il-festa hemm messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Nixtieq insemmi tliet affarijiet li nara f’din il-festa li huma ta’ ġid żgur għall-ħajja tagħna.

L-ewwel nett il-festa tat-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù tfakkarna li aħna għandu jkollna l-ħarsa tagħna  ’l fuq. Pajjiżna hu s-sema. Lil hemm mexjin. Kif għedna fit-talba, u se ngħidu wkoll f’talba oħra aktar tard, Ġesù daħal biex “aħna, il-membri tiegħu, immorru warajh fejn mar qabilna hu”. Dik hi l-viżjoni tagħna, dik hi t-tama tagħna: li naslu s-sema. Din mhix immaġinazzjoni, mhijiex fantasija, mhijiex ħolma, imma hi realtà għax Kristu ħaj jurina din it-triq biex aħna naslu fejn daħal qabilna hu.

… il-festa tal-lum turina kemm hu importanti li niftakru lil fejn aħna mexjin …

Din tgħinna ħafna fil-ħajja tagħna. Turina kemm hu importanti li aħna ma nkunux meħudin, fil-ħajja tagħna, b’tant affarijiet sbieħ jew inkella bil-problemi li jkollna, li tant inkunu meħudin li nitilfu din il-viżjoni, din it-tama. Jista’ jiġri dan. Għalhekk, il-festa tal-lum turina kemm hu importanti li niftakru lil fejn aħna mexjin, li aħna għandna din is-sejħa li naslu fis-sema pajjiżna.

Dan hu li qal San Pawl, fl-ittra tiegħu lill-Efesin li smajna fit-Tieni Qari: “Alla jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin, u x’inhu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna.”

It-tieni punt li nixtieq nagħmel f’din il-festa hu dan: filwaqt li aħna nħarsu ’l fuq, Ġesù tana missjoni hawn. Mela l-ħarsa ’l fuq, imma saqajna trid tkun mal-art. Hawn hi l-missjoni tagħna, kif smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju. Hu jgħid lid-dixxipli biex ikunu xhieda tiegħu.

Din hi l-missjoni tagħna: li nibnu soċjetà li tassew tkun tixraq lill-bniedem.

Għandna missjoni hawnhekk. Mhijiex is-sejħa tagħna li nibqgħu ċċassati lejn is-sema. Smajna l-Ewwel Qari, dawk iż-żewġ irġiel lebsin l-abjad jgħidu lid-dixxipli meta Ġesù tela’ s-sema: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?” Qishom qed jgħidu: tibqgħux issa tiċċassaw, għax Ġesu takom missjoni hawn. Lilna Ġesù tana missjoni hawn biex ngħixuha kulfejn inkunu: li ngħixu l-kelma tiegħu, li nwasslu l-kelma tiegħu, li naħdmu bis-serjetà għal dak li hu ta’ ġid għall-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Din hi l-missjoni tagħna: li nibnu soċjetà li tassew tkun tixraq lill-bniedem.

… Ġesù hu magħna, viċin tagħna.

Il-ħarsa tagħna lejn is-sema mhux biss mhijiex aljenazzjoni, imma anzi hi stess timbuttana hawnhekk biex naħdmu tassew fil-missjoni li tana Ġesù għall-ġid tal-bniedem. Għalhekk il-ħarsa tagħna ’l fuq, imma saqajna mal-art biex nagħrfu hawnhekk il-missjoni li tana Ġesù u kif għandna naqduha.

Imbagħad hemm ħaġa oħra importanti: li Ġesù hu magħna, viċin tagħna. Tolqotni ħafna kif fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qabel tela’ s-sema qal lid-dixxipli: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”; imbagħad tela’ s-sema. Telaq, jew baqa’ magħna? Fil-fatt, Ġesù, kif qal hu, jibqa’ magħna bi preżenza differenti imma qawwija u aktar profonda, jibqa’ viċin tagħna. It-tlugħ tiegħu fis-sema mhuwiex, biex insemmu kelma li kulħadd juża daż-żmien minħabba l-pandemija, social distancing estrem biex jinqata’ minn magħna. Imma hu jibqa’ magħna bl-Ispirtu tiegħu. Xi ħadd kiteb, u hi tajba, li Ġesù llum qed jaħdem mid-dar, mis-sema; imma hemm differenza waħda: li tiegħu mhuwiex working remotely imma viċin tagħna, miexi magħna. Hi din il-preżenza ġdida tiegħu li tagħtina qawwa u kuraġġ biex nimxu ’l quddiem fit-triq lejn is-sema pajjiżna, biex qatt ma naqtgħu qalbna jew nitilfu din l-enerġija; imma hu jkompli jmexxina ’l quddiem.

Illum nitolbu lill-Mulej biex il-ħarsa tagħna tkun dejjem lejn is-sema pajjiżna; li nagħrfu naqdu l-missjoni li għandna hawn fl-art, fis-soċjetà llum; u li nħossu tassew il-preżenza ta’ Ġesù ħaj magħna ħalli jmexxina ’l quddiem bil-qawwa u bl-enerġija li jagħtina hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju