L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom ħafna, talli aċċettajtu l-istedina, fost il-ħafna ċelebrazzjonijiet, li ġustament qed tagħmlu bħala konklużjoni feliċi tal-istudji tagħkom; għażiltu wkoll dan il-mument ta’ talb. Intom tifhmu li din hi għażla libera, u li mhux bilfors hi għażla komuni, ordinarja. Nixtieqkom tapprezzaw u nawgura li mhix għażla formali, għax hekk nagħmlu, għax hekk isir. Jiena napprezza u nawgura li ddeċidejtu li tiġu għax tridu, u mhux ta’ frott formaliżmu fieragħ. 

Il-kelma li nixtieq naqsam magħkom hi din l-awgurju, li waqt li tgawdu l-frott tax-xogħol tagħkom, intom tkunu dawl fis-soċjetà, u ta’ bidla tal-qalb. Fis-salm li għadna kemm smajna, li hi t-talba ta’ David, li wara li rrealizza, li biex imur ma’ mara sabiħa qatel lil żewġha Urija, irrealizza li l-passjoni tiegħu kienet nutrita mill-inġustizzja u l-qtil. Din it-talba hi talba attwali u għandna bżonnha lkoll. “Oħloq fija qalb safja. O Alla, u spirtu qawwi ġedded fija” (Salm 51:12). 

Nawguralkom li intom tkunu strument tal-bidla li dan il-pajjiż għandu bżonn, bidla fil-qalb. Meta nħarsu lejna u naraw li l-flus isiru l-uniku kriterju tas-suċċess u tal-kwalità tal-ħajja, id-domanda hi leġittima li nagħmlu: forsi l-qalb tagħna bbieset daqshekk? Għandna bżonn induru lejn Alla u ngħidulu: ‘Oħloq fija qalb safja, qalb ġdida, spirtu qawwi ġedded fija’. 

Jolqotni ħafna l-kliem ta’ dan ir-re umiljat mid-dnub tiegħu, wara li l-profeta ġagħlu jifhem, li mhux sew biex tieħu mart ħaddieħor, tmur toqtlu, bħalma kien għamel hu, ta’ re li kien. David, veru kien midneb, imma kien onest biżżejjed biex lil Alla jgħidlu: ‘isma’ jien nista’ noffrilek ħafna affarijiet, li l-popli tal-Mesapotamia, tas-Sirja, joffru lill-allat tal-ġebel tagħhom, ħafna sagrifiċċji. 

“Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma” (Salm 51:19). Il-qalb ta’ min jifhem il-limiti tal-kundizzjonijiet umana, imma għandu determinazzjoni fih, li jikkontribwixxi tassew għal dinja aħjar: fil-professjoni tiegħu, fil-qasam akkademiku tiegħu, fl-irwol soċjali tiegħu, u għaliex le, ’il quddiem anke wħud minnkom fil-qasam politiku. “Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla” (Salm 51:19).

Jiena nawguralkom illum, waqt li qed nifirħu magħkom tal-iżvilupp, tal-grey matter, u l-iżvilupp tal-ħidma akkademika tagħkom, tal-kapaċità li telaboraw il-ħsieb, tirripproduċuh, forsi daqsxejn esaġerazzjoni għax suppost il-proċess universarju mhux fotokopja ta’ dak li jgħidlek il-professur, imma ma nidħolx fiha llum din.

Nawgura li żviluppajtu fikom sens tassew kritiku, li intom f’sitwazzjoni jkollkom il-kapaċità tiżnuha u tagħmlu deċiżjonijiet skont il-prinċipju etiku l-iżjed bażiku, li tagħżel it-tajjeb u tevita l-ħażin; ikun xi jkun, f’liema qasam qiegħed jew qiegħda taħdem.

Imma biex tagħmel dan, u biex tkun tista’ tħaddem dan il-kriterju, fl-ekonomija, fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam tal-politika soċjali, fil-filosofija u t-teoloġija, fil-liġi, f’kull qasam; biex tkun tista’ tagħżel dan il-kriterju li tassew jagħmilna bnedmin: li tagħżel it-tajjeb u li twarrab u tevita l-ħażin.

Jien nawguralkom, li mhux biss ikollkom moħħ biex tirraġunaw; għax bil-moħħ tkun tista’ tiġġustifika kull għażla li tista’ tagħmel. Kerha kemm tkun kerha, tidher sabiħa. Il-moħħ għandu din il-kapaċità. Aħna kapaċi bl-intelliġenza tagħna ningannaw lilna nfusna u lil ħaddieħor. Dak ukoll użu tal-kapaċità mentali. Jien irrid nawguralkom u nitlob għalikom illum, li jkollkom dak li qed joffri David, umiljat minħabba l-abbuż ta’ poter, li ġagħlu joqtol biex jagħżel u jkollu mara sabiħa biex tkun tiegħu, lil Batseba; li mbagħad saret omm Salamun, joffrilu “qalb maqsuma u sogħbiena” (Salm 51:19). 

Il-qalb maqsuma liema hi? Il-qalb maqsuma hi dik li għandha empatija vera u simpatija veru quddiem il-kundizzjoni tal-bniedem, li taf tagħder, tifhem u tħobb u taf tibki quddiem l-inġustizzja, quddiem id-dilemma tas-sofferenza tal-umanità. Intom se tkunu fi rwoli ta’ responsabbiltà, ħabba l-istudji li għaddejtu minnhom. Jalla mal-istudji li għandkom illum, ikollkom l-esperjenza tax-xogħol, tar-responsabbiltà u tal-umanità.

Mhux biżżejjed li jkollok id-diploma u twaħħalha mal-ħajt. Jekk ma għandekx sens ta’ responsabbiltà, u ma’ għandekx l-esperjenza ta’ min jaqla’ l-ħobżna ta’ kuljum bl-għaraq ta’ ġbinu, dik il-karta ma tiswa xejn, ħlief frugħa.

Nawguralkom li intom, ma’ dak li qed tiċċelebraw illum ġustament u leġittimament, issieħbu dan l-għatx għall-ġustizzja, li iva, quddiem ċerti sitwazzjonijiet jaqsmulna qalbna. Għax jekk il-bniedem professjonista, akkademiku, għandu qalb ċinika, distanti, u allura medjokri, bir-rispett kollu, u mhux kapaċi jkollu qalb maqsuma quddiem it-tbatija ta’ ħaddieħor, allura ma nafx jekk aħniex ngħixu tassew ta’ bnedmin.

Il-qalb sogħbiena hi dik li kapaċi taffaċċja l-limitazzjonijiet, id-deficits, il-fallimenti tal-ħajja, imma ma tiqafx hemm, għax jekk nieqfu hemm, dik hi riċetta tad-disperazzjoni. Is-sogħba kbira hi dik ta’ min jgħid: nistgħu nagħmlu aħjar u se nagħmlu aħjar.

Ħarsu lejn pajjiżna, nistgħu nagħmlu aħjar? Ir-risposta mhux f’idejn ħaddieħor, f’idejna, f’idejja u f’idejk, ilkoll kemm aħna. 

Jiena nawgura li l-Università tatkom almenu dan l-ispirtu veru, l-ispirtu li aħna qegħdin biex inkunu ta’ servizz għal xulxin. Illum ġustament ifirħu bir-rwoli u r-rikonoxximent akkademiku f’ħajjitkom. Dan hu mument li tgħidu grazzi lill-Mulej għal min issapportjakom, lill-Università, lill-istaff tagħha, lill-professuri tagħkom, lil sħabkom; imma hu wkoll il-mument tal-impenn. Il-mument fejn lill-Mulej noffrulu l-qalb tagħna; biex il-qalb tagħna tkellem lill-moħħ tagħna, l-intelliġenza tagħna u aħna nkunu tassew ta’ servizz għal xulxin u għall-poplu. “Oħloq fija qalb safja. O Alla, u spirtu qawwi ġedded fija” (Salm 51:12). Dan nawguralkom illum.         

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Ġona 3:1-10
Salm: 50 (51):3-4,12-13,18-19
L-Evanġelju: Lq 11:29-32

Aktar ritratti