L-Arċisqof Charles Scicluna qal li rridu nsibu metodi aħjar kif naħżnu l-ilma tax-xita li hu tant bżonjuż u fl-istess waqt dejjem qed jonqos minħabba t-tibdil fil-klima.

Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb L-Istorja tal-ħażna tal-ilma fil-Gżejjer Maltin mill-awtur Steven Mallia, l-Arċisqof Charles Scicluna saħaq dwar dak li qed jgħidu l-esperti dwar il-livelli baxxi tal-ilma ta’ taħt l-art, u qal li wasal iż-żmien li l-faċilitajiet li għandna għall-ħażna tal-ilma li bnew missirijietna jiġu rrestawrati u użati għal dan il-għan.

Il-pubblikazzjoni fiha aktar minn 500 ritratt ta’ ġwiebi, ċisterni u bjar li kienu skavati bl-idejn u li ħafna minnhom huma minsija. Mallia spjega li dawn il-meravilji arkitettoniċi huma impressjonanti u nbnew mir-residenti ta’ Malta li minn dejjem kellha skarsezza ta’ ilma.

Il-ktieb iġib lill-qarrej konxju tat-tbatijiet li affaċċjaw l-antenati tagħna u jqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet attwali tagħna dwar il-konservazzjoni tal-ilma tax-xita.

L-Istorja tal-ħażna tal-ilma fil-Gżejjer Maltin jista’ jinxtara mill-awtur permezz ta’ email f’dan l-indirizz: [email protected]. Id-dħul imur għal Puttinu Cares.