Heritage Malta ppreżentat lill-Arċisqof Charles Jude Scicluna d-dokument li jirreġistra l-arma araldika ta’ kunjomu mal-Uffiċċju tal-Kap Araldista ta’ Malta. Il-kunjom ‘Scicluna’ huwa antik ħafna u aktarx oriġina fi Sqallija.

Il-preżentazzjoni saret fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, mill-Kap Araldista ta’ Malta, Dott. Charles A. Gauci, li l-uffiċċju tiegħu jaqa’ taħt Heritage Malta u jirregola l-emblemi araldiċi kollha fil-Gżejjer Maltin. Preżenti kien hemm ukoll Anthony Scicluna, Chairman ta’ Heritage Malta; Russell Muscat, Manager għar-Relazzjonijiet Internazzjonali ta’ Heritage Malta; u Roberto Buontempo, Logutenent tal-Ordni Santu Sepulkru ta’ Ġerusalem f’Malta.

L-Arċisqof radd ħajr lil Heritage Malta għal din iż-żjara ta’ kortesija. Huwa qal li minkejja r-riċerka li saret, l-etimoloġija tal-kunjom ‘Scicluna’ għadha pjuttost misterjuża. Żied jgħid li għalkemm tradizzjonalment l-arma araldika tal-Arċisqof ikollha referenza għall-kunjomijiet taż-żewġ ġenituri, huwa għażel li l-arma tiegħu tkun tirrappreżenta biss il-kunjom ‘Scicluna’.

Anthony Scicluna spjega x’wassal biex f’Marzu tal-2019 fi ħdan Heritage Malta jitwaqqaf l-Uffiċċju tal-Kap Araldista ta’ Malta, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru u tas-Segretarju tal-Kabinett. Huwa esprima x-xewqa ta’ Heritage Malta li fil-ġejjieni tkompli tissaħħaħ u tkun estiża l-kollaborazzjoni f’diversi oqsma bejn l-aġenzija għall-wirt kulturali u l-Arċidjoċesi ta’ Malta, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u r-riċerka.

Dott. Gauci fakkar li l-armi araldiċi kollha mogħtija jew reġistrati mill-uffiċċju tiegħu jsiru taħt l-awtorità ta’ Heritage Malta u huma rikonoxxuti b’mod sħiħ mill-Istat. Huwa ta spjegazzjoni tal-kompożizzjoni tal-arma araldika tal-Arċisqof, li tikkonsisti f’żiemel abjad taħt qamar fiddien kif ukoll warda lewn id-deheb. Għall-Arċisqof, l-isfond aħmar tal-arma jirrappreżenta l-passjoni ta’ Kristu, iż-żiemel ifakkar il-viżjoni li kellu San Ġwann dwar Kristu bħala żiemel abjad, il-qamar hu simbolu tad-dawl li jiddi fid-dlam, filwaqt li l-warda saret fuq talba tal-Ariċsqof stess peress li din tirrappreżenta lill-Verġni Marija.

Russell Muscat semma kif il-ħolqien ta’ dan l-uffiċċju relattivament ġdid fi ħdan Heritage Malta diġà qanqal interess kbir, kemm f’Malta kif ukoll barra l-pajjiż. Huwa qal li fuq livell internazzjonali, għaddejjin taħditiet kontinwi ma’ uffiċċji barranin tal-araldika filwaqt li lokalment Heritage Malta qed tqajjem għarfien permezz ta’ masterclasses għall-adulti u attivitajiet immirati għat-tfal.