L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nistgħu ngħidu li dan il-kliem ta’ Ġesù li nsibuh anke fl-Evanġelju ta’ San Mattew – din is-silta hija meħuda mill-kapitlu 6 ta’ San Luqa – dan il-kliem forsi huwa wieħed mill-iżjed kliem iebes ta’ Ġesù, iebes fis-sens li huwa kliem ta’ sfida kbira u ħafna drabi bil-loġika tad-dinja ma jagħmel assolutament l-ebda sens.

Jekk ikollna nifhmu xi jrid jgħid Ġesù, hemm kelma waħda li nħoss tfisser kollox: il-kelma ħniena. Meta inti tħobb lill-għadu tiegħek, qed tħenn għalih, qed taħfirlu bis-serjetà. Mhux bilfors tinsa dak li jkun għamillek. Ma jfissirx li ma tweġġax, ma jfissirx li ma taqsamx qalbek għat-tradiment jew għall-ħsara li tkun saritlek b’mod inġust, imma li taħfer huwa li inti lil ħuk ma tpattihulux, tħallih f’idejn il-ħniena tal-Missier li huwa wkoll ġust daqkemm hu ħanin.

Ħafna drabi mingħalina nistgħu nitilgħu fuq xi pedestall u nippuntaw subgħajna lejn il-proxxmu u ninsew li aħna wkoll għandna xi ħadd fuqna li jafna ħafna iżjed mill-kumplament tad-dinja u se jiġġudikana mhux kif jidher, imma fuq li hu.

Jekk aħna nieħdu l-liġi b’idejna, jekk aħna ngħidu: ‘jiena se nitħallas mill-għedewwa tiegħi’, se nidħlu f’nasba li ma noħorġu minnha qatt. San Pawl Missierna jgħallimna li t-triq tal-paċi hija t-triq tal-maħfra anke ta’ ħuk li għamillek il-ħsara. “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:38).

Ħin minnhom Ġesù jispjega li l-Mulej jgħidlu: “Alla l-għoli hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena” (Lq 6:37). Aħna forsi ma nħossux li aħna ħżiena imma jekk nirriflettu ftit, forsi nifhmu li ma ngħidulux grazzi biżżejjed, anke aħna ingrati. U l-Mulej donnu jagħlaq għajnejh, ikompli jtella’ x-xemx filgħodu, jibgħat ix-xita meta jkollna bżonnha, u fl-istaġuni jagħtina l-frott li jkun hemm bżonn.

Kemm hi kelma għaqlija din tal-Mulej: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra … Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (Lq 6:37-38). Ta’ min nirrinflettu fuqha din il-kelma ta’ Ġesù. Ħafna drabi aħna mingħalina nistgħu nitilgħu fuq xi pedestall jew pulptu u nippuntaw subgħajna lejn il-proxxmu u ninsew li aħna wkoll għandna xi ħadd fuqna li jafna ħafna iżjed mill-kumplament tad-dinja u se jiġġudikana mhux kif jidher, imma fuq li hu. U allura għadna fiż-żmien li nħennu għal ħutna għax għandna bżonn min iħenn għalina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta