L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Dakinhar baqgħu miegħu.” Hekk naqraw fir-rakkont tal-Evanġelju skont San Ġwann li jurina l-ewwel dixxipli meta ltaqgħu ma’ Ġesù. Nixtieq li naħsbu fuq din is-silta, għax turina x’jiġifieri meta ngħidu li aħna dixxipli ta’ Ġesù, u x’jiġfieri wkoll il-komunità, li hi l-parroċċa, speċjalment fl-okkażjoni sabiħa li qed tiċċelebra l-ħamsin sena bħala parroċċa hawnhekk f’Burmarrad.

Dawn kienu tnejn mid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista, li meta ra lil Ġesù għaddej, qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Dawn id-dixxipli tiegħu mhux biss rawh għaddej, u saru jafu min hu, imma mxew warajh. Imxew warajh biex isiru jafu mhux biss min hu, fejn joqgħod, u x’jagħmel; imma mxew warajh biex isiru jafuh, jagħrfuh u jħobbuh. Għalhekk l-Evanġelju jgħid: “baqgħu miegħu”. F’dawn iż-żewġ kelmiet, għandna l-iktar ħaġa essenzjali ta’ dik li kienet se tfisser ’il quddiem għal dawn id-dixxipli l-ħajja tagħhom ma’ Ġesù. Baqgħu miegħu, u kienet tant esperjenza sabiħa u qawwija għalihom, li wieħed minnhom, Indrì, b’ħeġġa, mar jgħid lil ħuh Xmun u ħadu għand Ġesù biex jiltaqa’ miegħu.

Kif ikun dixxiplu

Hawnhekk għandna stampa sabiħa ta’ kif għandha tkun il-ħajja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù, u kif għandha tkun il-ħajja tal-komunità parrokkjali.

Aħna lkoll kellna lil xi ħadd bħal Ġwanni l-Battista li wriena min hu Ġesù, ħafna minna minn meta konna għadna żgħar. Kien hemm xi ħadd li għenna biex insiru nafu lil Ġesù  u nsiru aktar midħla tiegħu. Dik hi l-ħajja tal-parroċċa, li tgħin biex aħna nagħrfu lil Ġesù  bħala s-Salvatur tagħna. U aktar ma kbirna, aktar ma sirna qrib tiegħu, smajna l-istedina li Ġesù għamel lil dawn it-tnejn min-nies: “ejjew u taraw”, ħa jkollkom esperjenza. Għalhekk, ma sirniex biss nafu fuqu, u nafu x’jagħmel, imma sirna aktar midħla tiegħu, u tassew nagħrfuh u nħobbuh.

Interessanti l-kliem “baqgħu miegħu” l-Evanġelista San Ġwann juża dan il-kliem, aktar ’il quddiem, biex ifisser kif id-dixxipli għandhom ikunu magħqudin ħaġa waħda ma’ Ġesù. Hu jsaħħaħ dan meta jsemmi x-xbieha tad-dielja u l-friegħi biex juri li d-dixxipli jibqgħu magħqudin miegħu ħaġa waħda bħal friegħi magħqudin mad-dielja. Hemm, f’din l-għaqda intima, insibu dak li qed infittxu fil-ħajja tagħna. Lil dawn iż-żewġ dixxipli, Ġesù staqsiehom “xi tridu?” meta bdew mexjin warajh, li tfisser “x’qegħdin tfittxu?” Kienu qegħdin ifittxu lilu biex hu jimla l-ħajja tagħhom. Aħna wkoll, bħala dixxipli ta’ Ġesù, meta nibqgħu miegħu, hemm insibu dak li jagħti tifsira lill-ħajja tagħna, insibu l-milja ta’ ħajjitna.

Biex Ġesù jkun magħruf u maħbub

Is-silta turina wkoll ħaġa oħra importanti: li min hu tassew dixxiplu ta’ Ġesù, mhuwiex kuntent biss li ltaqa’ miegħu, sar jafu u jħobbu, imma jrid li oħrajn jiltaqgħu miegħu. Hekk għamel Indrì li, l-Evanġelju jgħid, “l-ewwel ma għamel” mar jgħid lil ħuh biex lil ħuh jgħinu wkoll jiltaqa’ ma’ Ġesù. Għamel dan b’ħeġġa, b’entużjażmu. Ma ġegħilx lil ħuh, imma ħeġġu; fil-fatt, ħuh kellu jsir il-kap tal-Knisja, Pietru; permezz ta’ ħuh wasal għand Ġesù.

Lilna wkoll, Ġesù jistedinna mhux biss biex insiru nafuh u nħobbuh aħna, u nibqgħu miegħu aħna, imma ngħinu lill-oħrajn li magħhom ngħixu u niltaqgħu biex jaslu għand Ġesù ħa jsiru jafuh u jħobbuh. Nagħmluha b’ħafna mħabba u b’ħafna libertà; lil ħadd ma nġegħilu, imma nagħmluha b’ħeġġa. Dik hi l-ħajja tal-komunità. Għalhekk il-komunità tikber u tiżviluppa, għaliex aħna rridu li oħrajn jaslu għand Ġesù. Meta ninġabru flimkien fil-knisja, qed nagħmlu l-esperjenza li nkunu miegħu, ma’ Ġesù, u nafu kemm hi esperjenza sabiħa u ta’ għajnuna għalina u għall-familji tagħna.

Kultant fi żmienna hemm il-mentalità li tgħid: “ħalli lil kulħadd liberu u timponix il-valuri tiegħek fuq l-oħrajn”. Din il-mentalità tista’ twassalna biex ningħalqu fina nfusna u ma tħalliniex b’ħeġġa nwasslu lill-oħrajn għand Ġesù. Imma aħna nafu li dik hi s-sejħa tagħna wkoll bħala dixxipli ta’ Ġesù: li nwasslu lill-oħrajn għandu. Nagħmlu dan bil-libertà. Inkunu qegħdin naqsmu l-esperjenza tagħna sabiħa, b’kelma ta’ ġid u bix-xhieda ta’ ħajja Nisranija, biex huma jistgħu jsibu tassew l-isbaħ u l-aħjar.

Talba għall-komunità parrokkjali

Nixtieq nitlob għal din il-komunità parrokkjali, għalina lkoll miġburin hawn u għan-nies kollha ta’ Burmarrad, b’ringrazzjament għal dawk kollha li tul is-snin kienu bħal Ġwanni l-Battista li wrew lil Ġesù, u bħal Indrì li wassal lil ħuh għandu – dawk kollha li wasslu lin-nies biex jitlaqgħu ma’ Ġesù. Nitlob li nkomplu naħdmu biex din il-komunità Nisranija tkun komunità sabiħa li tagħti xhieda ta’ ħajja Nisranija u li tgħin lill-oħrajn jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Togħġobni ħafna l-espressjoni “baqgħu miegħu”. Tfakkarni wkoll fir-rakkont meta Ġesù Rxoxt iltaqa’ maż-żewġ dixxipli ta’ Emmaus, li kienu mexjin diżappuntati, qalbhom maqtugħa. Ġesù qagħad magħhom u mexa magħhom, jismagħhom u jkellimhom, u l-preżenza tiegħu u l-kelma tiegħu biddlet il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ dixxipli. U għamlulu talba, qalulu: “Ibqa’ magħna, Mulej”. Illum, permezz ta’ din il-kelma, Ġesù jgħidilna, lil kull wieħedu waħda minna, u jgħid lill-komunità: Ibqgħu miegħi u hemmhekk tintebħu li jiena dejjem magħkom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju