Fit-23 ta’ Ottubru 1983, sentejn biss wara li l-Papa Ġwanni Pawlu II xandar il-Familiaris Consortio, il-Kummissjoni Pontifiċja tal-Familja fis-Santa Sede, nediet iċ-‘Charter tad-drittijiet tal-Familja. Dan id-dokument hekk importanti, jiġbor fih id-drittijiet fundamentali li huma l-qalba ta’ dak kollu li hu naturali u universali f’soċjetà li nsejħu l-familja, u jipprovdi lill-gvernijiet b’qafas għal-leġiżlazzjoni dwar il- familja.

Dan id-dokument ta’ 12-il artiklu, jiddefinixxi x’inhuma d-drittijiet fundamentali ta’ kull familja, kemm jekk nisranija jew le. Fih insibu pjan dettaljat għat-twaqqif ta’ familja umanitarja b’saħħitha mibnija fuq l-integrità. Dan id-dokument għandu jservi bħala għajn ta’ riflessjoni u gwida ta’ kif il-valuri tal-vanġelu jistgħu jkollhom effett fuq il-ħajja sekulari.

Imma dan id-dokument x’qed jipproklama eżatt? Ta’ min jgħid li b’dan id-dokument il-knisja m’għandha l-ebda intenzjoni li timponi il-viżjoni tagħha fis-soċjeta’, iżda fi spirtu ta’ servizz u ta’ missjoni qed tfittex li twassal lis-soċjetà, rispett lejn il-liġi tal-}allieq. Għalhekk dan id-dokument jfakkarna li ma nistgħux nivvintaw il-familja għax din ġiet mogħtija lilna u hi mnaqqxa fil-qalb ta’ kull individwu. Għalhekk id-drittijiet tal-familja huma mnaqqxa u miġbura fil-kuxjenza ta’ kull persuna umana u fil-valuri komuni ta’ l-umanità kollha.

Fil-qosor dan id-dokument jiddefinixxi dawn id-drittijiet:

• It-Twaqqif tal-familja.

• Id-Dritt tal-għażla libera tas-sieħeb jew sieħba.

• Id-Dritt tal-ġenituri għal trobbija responsabbli.

• Ir-Rispett u l-protezzjoni għall-ħajja sa mill-mument tal-konċepiment.

• Ir-Rwol tal-familja fl-edukazzjoni tal-ulied.

• Id-Dritt tal-familja li teżizti u li tagħmel progress.

• Il-Protezzjoni tat-tfal.

• Li Tippromovi l-istituzzjoni tal-familja.

• Id-Drittijiet tal-familja fl-oqsma tar-reliġjon, ħajja soċjali, kultura, ekonomija u finanzi.

• Id-Dritt ta’ persuni fis-soċjetà li jimmeritaw attenzjoni speċjali bħal l-anzjani, emigranti, nies b’kapaċitajiet differenti u priġunieri.

Kwazi d-drittijiet kollha msemmija jinstabu f’dokumenti oħra, kemm dawk tal-Knisja kif ukoll f’dawk tal-Kommunita Internazzjonali. Fil-fatt f’dan id-dokument insibu referenza kontinwa għad-Dikjarazzjoni Universali tad- Drittijiet tal-Bniedem.

Dan id-dokument, msejjes fuq il-valur tad-duttrina soċjali Kattolika, dak tas-sussidjarjetà, isaħħah fil-familja l-obbligu li l-istat ma jistax jieħu jew ineħħi minnha il-funzjonijiet li tistà twettaq waħedha jew f’assoċjazzjoni ħielsa ma’ entitajiet oħrajn. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, ħafna istituzzjonijiet ħadu r-responsabilità ta’ ħafna funzjonijiet li tradizzjonalment kienu jappartjenu lill-familja, bħas-saħħa, edukazzjoni, u anke katekiżmu. Iżda l-ġenituri jridu jkunu mgħallma li ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet primarji tagħhom lil ebda istituzzjoni oħra bħal l-iskola jew il-parroċċa. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom jgħinu lill-familja meta din ma tkunx tistà twettaq l-obligazzjonijiet tagħha, iżda m’għandhom qatt jisostitwuha. Meta r-responsabilità tal-familja tiġi llimitata, l-istruttura tas-soċjetà kollha tiddgħajjef. Għall-Papa Ġwanni Pawlu II l-prinċipju huwa ċar ħafna: ‘L-ebda ħaġa li tikkomprometti l-familja mhi ser tgħin biex is-soċjeta’ tibbenefika.’ Mill-għad l-ieħor, kull politika li tippromovi l-familja, ġġib il-quddiem il-ħajja soċjali.

Dan id-dokument tad-drittijiet tal-Familja, jafferma li l-familja u s-soċjetà ‘huma magħquda flimkien b’rabtiet vitali u relatati’ li għandhom funzjoni kumplimentari fid-difiża u l-avvanz tal-ġid ta’ kull persuna u ta’ l-umanità. Ir- Responsabilitajiet soċjali tal-familja jiffurmaw parti ntegrali għall-vokazzjoni tagħha u fost l-obligazzjonijiet li għandha, il-familja għandha d-dover biex toħloq ordni soċjali li jiżviluppa u jippromovi kemm jista’ jkun l-ħelsien personali. Għalhekk il-familja għandha l-impenn soċjali li tifforma persuni ‘miftuħin lejn il-kommunità, mmexxijin minn sens ta’ gustizzja u li għandhom interess fil-ħtiġijiet tal-oħrajn, kif ukoll kuxjenza responsabbli lejn is-soċjeta’ kollha.’ Il-familja ma tistax teżizti biss għaliha nnifisha imma għall-kommunitajiet oħra u għas-soċjetà ingenerali. Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, il-familja trid tkun post fejn ‘ bl-aktar mod attiv u responsabbli jseħħ żvilupp iewi u jkun hemm parteċipazjoni valida fil-ħajja soċjali.’

Verament li l-iskop ta’ dan id-dokument huwa wieħed mill-veritajiet li l-knisja tipproklama lin-nies ta’ żmienna. Id-drittijiet huma ta’ sostenn għall-implementazzjoni u x-xandir ta’ politika b’saħħitha favur il-familja.

Għalhekk fil-klima preżenti, fejn il-ġid tal-familja huwa kontinwament assedjat f’ħafna sfidi u tensjonijiet, kif ukoll mill-individwaliżmu u l-influwenza ta’ l-istat, kemm għadu validu dan iċ-Charter wara 27 sena?

Din il-mistoqsija ser tkun indirizzata minn Fr Rene’ Camilleri, f’seminar li ser isir nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru, 2010, organizzat minn ProgettImpenn fis-Sala Mons Gonzi fl-Istitut Kattoliku bejn is-6.30 u 8.30 ta’ fil-għaxija. L-Arċisqof Pawlu Cremona ser ikun qed jagħlaq is-seminar bid-diskors tiegħu.