F’dawn l-aħħar ftit xhur grupp ta’ żgħażagħ Maltin minn ŻAK Ħal Tarxien bejn is-16 u l-25 sena ħadmu fuq skambju, fejn żgħażagħ Taljani u Maltin qattgħu ġimgħa flimkien biex jesploraw tema partikolari permezz ta’ diversi attivitajiet. Din is-sena l-grupp Azione Cattolica ta’ San Severo ġie Malta filwaqt li s-sena d-dieħla l-grupp Malti mistenni jitla’ l-Italja għat-tieni parti tal-iskambju.

L-iskambju ttratta suġġetti u problemi li qed jaffaċjaw iż-żgħażagħ fid-dinja tal-lum, kif ukoll il-problemi li jeżistu fis-soċjetà u kif jistgħu jaffaċjawhom flimkien bħala membri attivi fil-komunitajiet differenti tagħhom. Il-fondi għall-proġett ingħataw mill-programm tal-Erasmus+ u dawn is-suġġetti ġew esplorati permezz ta’ workshops, ħruġ, diskussjonijiet u laqgħat ma’ nies li qed jaffaċjaw dawn il-problemi b’modijiet differenti. B’hekk dan l-iskambju kien opportunità sabiħa biex dawn iż-żgħażagħ jorganizzaw xi ħaġa formattiva flimkien, isiru jafu żgħażagħ oħra minn pajjiż ieħor, kif ukoll jesponu ruħna għal esperjenzi ġodda.

Uħud mill-esperjenzi

Kirsty Cauchi: Bħala żagħżugħa li kelli opportunità li nkun involuta fl-ippjanar, nista’ ngħid li tgħallimt ħafna dwar ix-xogħol li attività bħal din titlob; bis-saħħa tal-etajiet differenti li hemm tal-parteċipanti tgħallimt mingħand nies li huma aktar esperjenzati kif attività kbira bħal din tiġi ppjanata. Hi esperjenza sabiħa wkoll li ssemma’ leħnek u tagħti l-kontribut tiegħek biex tittella’ attività, li ħa nżomm f’qalbi.

Tereża Zammit: L-iskambju semmejnieh Id f’Id fuq frażi tal-Papa Franġisku: “Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkollaboraw bħala għodda f’idejn Alla għall-ħarsien tal-ħolqien” meħuda minn Laudato Si` (14). Hemm diversi raġunijiet għala wieħed għandu jħobb l-Azzoni Kattolika, fosthom hi l-importanza li tagħti lilna ż-żgħażagħ. Fis-7 ta’ Lulju, iż-żgħażagħ taż-ŻAK laqgħu liż-żgħażagħ Taljani fiż-ŻAK House, f’Birkirkara.

Il-punti ewlenin ta’ dan l-iskambju kienu li jiġu indirizzati problemi ambjentali u soċjali u x’nistgħu nagħmlu aħna ż-żgħażagħ. Kellna diversi attivitajiet madwar Malta u Għawdex fejn kellna l-opportunità niltaqgħu ma’ għaqdiet volontarjati li jgħinu nies fil-bżonn, tfal li qed jieħdu l-kura fl-isptar kif ukoll għaqdiet li jieħdu ħsieb l-ambjent. Iltqajna wkoll mal-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, fejn iddiskutejna kif il-knisja tista’ taħdem iktar id f’id ma’ żgħażagħ tal-komunità.

L-isbaħ ħaġa minn din l-esperjenza hi li tgħallimna fuq problemi li ma konniex nafu ħafna dwarhom u ħriġna b’soluzzjonijiet għalihom, filwaqt li ħadna gost u sirna nafu iktar lil xulxin. Grata ħafna li kelli din l-esperjenza li mhu se ninsa qatt u li permezz tagħha tgħallimt ħiliet ġodda u komplejt nikber spiritwalment, emozzjonalment u mentalment, kemm bħala persuna, kif ukoll fil-komunità bħalma hi ż-ŻAK. Tgħallimt kif naffaċja l-isfidi b’mod matur, speċjalment l-isfida tal-lingwa biex insaħħaħ relazzjonijiet ġodda u biex nifhem u nirrispetta l-perspettivi tal-oħrajn. L-apprezzament tiegħi lejn l-ambjent, lejn dak kollu li għandi, lejn l-affarijiet sempliċi fil-ħajja, kiber. Ksibt għodod ġodda li jistgħu jgħinuni ngħix ħajja tajba mingħajr il-kaos u ’l bogħod minn vizzji li huma ħżiena għal saħħitna. Sibt il-paċi fil-mumenti ta’ talb u fil-prayer spaces li organizzajna, kif ukoll mumenti ta’ ferħ u eċitament fl-attivitajiet u l-avventuri.

Vito Fania: Vera kuntent li għixt din l-esperjenza speċjali. Vera kburi li tkellimt bl-Ingliż, li tgħallimt u tejjibt l-Ingliż tiegħi u bnejna pont bejn il-Maltin u t-Taljani. Kuntent speċjalment għax tgħallimt affarijiet importanti dwar problemi madwari u fis-soċjetà. F’dawn il-jiem ddiskutejna dwar l-ambjent, iltqajna ma’ persuni b’diżabbiltà, iltqajna ma’ nies li qassmu l-esperjenzi tagħhom, u żorna xi postijiet marbutin mat-tema. Fhimt li l-ikbar problema fid-dinja hi n-nuqqas ta’ mħabba u għax ma niftakrux fi kliem Ġesù stess biex nħobbu lil xulxin. Għalhekk hemm bżonn bidla fil-mentalità, bidla fi qlubna u biex iseħħ dan għandna bżonn gwida, lil Ġesù.

Carmen Cristiano: Enerġija hi l-kelma li tiddeskrivi din l-esperjenza li kellna. Waqt l-attivitajiet ffukajna fuq il-problemi fis-soċjetà u d-diffikultajiet ta’ kuljum imma ħadna gost insiru nafu lil xulxin permezz ta’ logħob, mużika u żfin. Il-ġranet għaddew malajr u se nibqa’ niftakar lil dawk kollha li għamlu din l-esperjenza waħda speċjali. Doqna ukoll ikel Malti u kilna ftira, li kienet vera tajba!

Valentina Ametta: Affarijiet sbieħ isiru meta tkun inti nnifsek u b’hekk tgħix esperjenza kompluta għax hu l-uniku mod kif turi verament min int. Għixt esperjenza unika u kelli l-opportunità nqabbel lili nnifsi ma’ żgħażagħ u adulti oħra li ltqajna magħhom. Iddiskutejna diversi suġġetti interessanti u kurrenti li kulħadd għandu bżonn jitgħallem iktar dwarhom. Flimkien skoprejna kulturi, tradizzjonijiet u lingwi differenti. M’għandi xejn ħlief gratitudni għal dawk li laqgħuna f’pajjiżhom, organizzaw dan kollu, għal ħin li ddedikaw u t-tjubija li wrewna.

Matteo Ponziano: Din kienet l-ewwel esperjenza tal-programm Erasmus+ tiegħi u nista’ ngħid li marret tajjeb ħafna. Fil-jiem li qattajna flimkien skoprejt li esperjenzi bħal dawn jgħinuna nsiru nafu kulturi oħra, l-istorja tal-pajjiż, induqu togħmiet ġodda, u nqattgħu l-ħin liberu f’modi differenti mis-soltu. Importanti li f’esperjenzi bħal dawn tieħu dak li tista’ u tieħu r-riskji. L-Ingliż għalija kien ftit problema imma ppruvajt nagħmel li nista’. Fi tmiem l-esperjenza rrealizzajt li programmi bħall-Erasmus+ iġibu bidla fik, jimmaturawk, itejbuk, u jġagħluk tirrefletti. Iddiskutejna suġġetti varji u importanti ma’ żgħażagħ oħra bħat-tniġġis, il-vjolenza u s-sesswalità.

Matteo Radatti: Qatt ma stennejt li din l-esperjenza kienet se tkun sabiħa u eċitanti daqshekk. Għalija din hi l-ewwel darba u kont vera impressjonat. Mal-Maltin tkellimna dwar l-ambjent u t-tniġġiż u kellna nagħmlu diversi attivitajiet, bħal induru l-belt u naraw xi problemi u diffikultajiet niltaqgħu magħhom. Żorna ukoll ċentru għal nies b’diżabbiltà u għamilna xogħol volontarju f’post fejn iservu l-ikel għal nies fi bżonn. Hemmhekk ħejjejna l-ikel u ħsilna l-platti. Fil-bidu kont inkwetat dwar din l-iskambju, imma vera grat li ħadt l-opportunità u pparteċipajt.