Pope Benedict XVI

Fl-aħħar messaġġ tiegħu f’udjenza ġenerali qabel ma vjaġġalejn Spanja, fejn bħalissa jinsab għall-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa Benedittu XVI qal li “ħafna nies lanqas biss iħallu ftit ħin fil-ġurnata sabiex huma stess jieqfu u jaħsbu ftit fuq dak li Alla qed jagħmel f’ħajjithom”. Fi kliemu, “il-ħin tagħna hu okkupat b’daqtsant attivitajiet, impenji,tħassib u problemi, li nispiċċaw ma nsibux ħin għalina nfusna, biex nieqfu nirriflettu bl-iskop li narrikkixxu l-ħajja spiritwali tagħna permezz ta’ kuntatt dirett m’Alla”.

Minn Castel Gandolfo qabel ma telaq lejn Spanja, fejn wasal propju lbieraħ, il-Papa Benedittu XVI issokta bis-serje ta’ taħditiet dwar it-talb billi ffoka fuq il-meditazzjoni u l-irwol tagħha fil-ħajja tan-nisrani. Qal li “din hija essenzjali sabiex wieħed isib mument kuljum sabiex jiġbor il-ħsibijiet tiegħu u fis-skiet jimmedita dwar dak li Alla qed jipprova jgħallmu. Dan minħabba li Allah u preżenti u jaġixxi kontinwament fid-dinja u fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna”.

“Minħabba li t-triq tal-ħajja eterna tinvolvi t-twemmin f’Alla, il-fiduċja fih u t-twettiq tar-rieda tiegħu, kull persuna teħtieġ tisma u tifhem dak li Alla għandu x’jgħidilha, xi ħaġa li tista’ ssir biss fit-talb u l-meditazzjoni”, kompla Benedittu XVI.

Fi kliemu, “il-meditazzjoni tfisser li wieħed japprezza kemm grazzji jagħtina Alla,meta aħna forsi nkunu iżjed iffukati fuq dak li f’ħajjitna hu negattiv”.