L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ġesù li jfejjaq, Ġesù li jgħallem, Ġesù li jitlob. Dawn huma tliet aspetti importanti li naraw fir-rakkont mill-Evanġelju llum, li huma marbutin flimkien.

Ġesù li jfejjaq. Hawnhekk għandna r-rakkont ta’ dan il-bniedem marid bil-marda tal-lebbra, marda kerha li ma kienx hemm fejqan għaliha; imma hux hekk biss, kienet tfisser għal min ikun marid bil-lebbra li jkun emarġinat, maqtugħ, imwarrab. Dal-bniedem jinxteħet wiċċu fl-art jitlob lil Ġesù, u jgħidlu “Jekk trid, tista’ tfejjaqni”. U Ġesù mal-ewwel jgħidlu: “Irrid, kun imfejjaq”. Imma naqraw ukoll fl-Evanġelju li hu qiegħed idu fuqu u messu. Sinjal tal-imħabba, tal-kompassjoni ta’ Ġesù; imma wkoll kien ġest radikali, att ta’ kuraġġ, għax ma’ min kien marid bil-lebbra n-nies kellhom iżommu d-distanza soċjali sew, mhux żewġ metri imma ħafna ħafna aktar. U Ġesù messu biex jurih l-imħabba kbira u biex ifejqu. Għalhekk ma kienx hemm diffikultà min-naħa ta’ Ġesù, għax hu kien qed iwassal il-fejqan. Ninnutaw, u mhux hawnhekk biss, li kull darba li Ġesù jfejjaq, ma jagħmilx biss xi ħaġa li minn ħażin tiġi tajjeb, imma mal-fejqan hemm din l-imħabba, il-kompassjoni, l-attenzjoni ta’ Ġesu. Hu jimpurtah minn kull wieħed u waħda, speċjalment minn min hu emarġinat u mwarrab.

Ġesu kien ifittex il-ħin – u fit-tul – biex ikun fit-talb ma’ Alla l-Missier, hemm jirċievi l-qawwa biex jista’ mbagħad jagħmel tant ġid.

Għandna lil Ġesù li jgħallem. Naqraw fl-Evanġelju li kotra ta’ nies kienu jmorru “bi ħġarhom biex jisimgħuh”. Fih kienu jaraw l-Imgħallem, dak li jurihom bil-kelma tiegħu t-triq it-tajba, li jgħinhom bil-kelma tiegħu, jagħtihom kuraġġ, jagħtihom il-qawwa jegħlbu d-diffikultajiet tal-ħajja u jkunu jafu kif għandhom jimxu għax jisimgħu b’attenzjoni l-kelma tiegħu.

Għandna wkoll lil Ġesù li jitlob, li jsib post imwarrab biex jitlob. Fl-Evanġelju hawn qisu l-kuntrast bejn il-folol ta’ nies li jmorru ħdejh biex jisimgħuh u biex ifejjaqhom, u Ġesù li jsib post imwarrab biex jitlob. Nimmaġina li kien hemm min ħaseb: hawn tant nies iriduh biex ifejjaqhom, u tant ġid li jista’ jagħmel kemm bil-fejqan u kemm bil-kelma tiegħu, u dan qisu jaħrab, imur fil-kwiet biex jitlob? Ġesù hekk kien jagħmel, u hu ta’ eżempju għalina. Ġesu kien ifittex il-ħin – u fit-tul – biex ikun fit-talb ma’ Alla l-Missier, hemm jirċievi l-qawwa biex jista’ mbagħad jagħmel tant ġid.

X’inhu l-messaġġ għalina fil-kelma ta’ Alla llum? L-ewwel nett, li aħna wkoll lil Ġesu għandna nħarsu lejh bħala t-tabib tar-ruħ tagħna, dak li jfejjaqna, speċjalment fejqan minn ġewwa li tant ikollna bżonn, biex jagħtina l-paċi fil-qalb tagħna. Ġesù hu wkoll l-Imgħallem tagħna. Hu dak li miegħu nafu li aħna qegħdin fit-triq it-tajba għax jgħidilna dejjem il-verità, bil-kelma tiegħu jmexxina tassew fit-triq it-tajba. U Ġesù hu dak li jgħallimna nitolbu, li jurina l-importanza tat-talb, u jurina kif it-talb mhux ħela ta’ ħin, imma huwa użu mill-aqwa tal-ħin tagħna.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li bħalu nfittxu l-ħin fil-kwiet għat-talb, biex hemm aħna nirċievu l-qawwa, hemm nirċievu l-għajnuna, għax inkunu qed nixorbu mill-għajn li mbagħad tgħinna biex f’ħajjitna nagħmlu ħafna ġid.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju