MarriageF’kull sena mill-aħħar ħames snin, iktar minn 90 fil-mija taż-żwiġijiet fejn kemm il-mara kif ukoll ir-raġel li ssieħbu fiż-żwieġ kienu Maltin, dawn għażlu r-rit reliġjuż għaż-żwieġ tagħhom. U dan meta ma jiġux ikkunsidrati ċifri relattivi għal żwiġijiet f’Għawdex!

Dan joħroġ minn ċifri mgħoddijin lil IL-ĠENSILLUM online mir-Reġistru Pubbliku dan l-aħħar dwar żwiġijiet f’Malta fl-aħħar ħames snin.

B’kollox, fl-aħħar ħames snin f’Malta biss ġew iċċelebrati 6,613-il żwieġ b’rit reliġjuż, fejn iż-żewġ partijiet kienu Maltin, 421 żwieġ b’rit reliġjuż bejn partijiet barranin u 303 bejn parti Maltija u parti barranija.

F’Għawdex, fejn l-istatistika fir-Reġistru Pubbliku ma tinżamx b’mod li ż-żwiġijiet reliġjużi jistgħu jiġu maqsumin f’dawn il-kategoriji, fl-istess perijodu kien hemm 661 żwieġ b’rit reliġjuż.

Fl-istess ħin, f’Għawdex joħroġ ċar li n-numru ta’ żwiġijiet ċivili b’involviment ta’ parti Maltija kienu ftit ħafna: inqas minn 70 fuq medda ta’ ħames snin, li minnhom 30 biss kienu bejn ċittadini Maltin, jew medja ta’ sitta f’sena!

L-istatistika turi li, matul dan il-perijodu, minn kull 20 żwieġ iċċelebrat f’Malta fl-aħħar ħames snin, fejn mill-anqas parti kienet Maltija, 17 kienu żwiġijiet reliġjużi. Dan joħroġ mill-fatt li waqt li prattikament kull żwieġ bejn Maltin hu ċċelebrat b’rit reliġjuż, huma biss madwar kwart iż-żwiġijiet fejn parti waħda biss hi Maltija li jiġu ċċelebrati bir-rit reliġjuż.

Skond ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar għarajjes barranin li jingħaqdu fi żwieġ ma’ Maltin, joħroġ li l-maġġoranza tal-irġiel barranin ikunu jew minn pajjiżi Ewropej – fl-2008 kienu 63, jew mill-Afrika – fl-2008 kienu 28.

Fir-rigward tat-tfajliet li jiżżewġu rġiel Maltin, il-maġġoranza assoluta jkunu Ewropej – fl-2008 kienu 82, jew Asjatiċi.

Kelliem għall-Catholic Enquiry Centre fisser li ġeneralment l-irġiel barranin mill-Afrika jkunu ġejjin minn pajjiż Għarbi, waqt li t-tfajliet ikunu ġejjin jew minn pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant jew miċ-Ċina.

Fil-fatt, meta jitqiesu t-tfajliet Ewropej, li fl-2008 żżewġu rġiel Maltin, 51 kienu minn pajjiżi Ewropej mhux fl-UE; li x’aktarx ifisser li ġejjin minn pajjiżi fil-Balkani jew pajjiżi eks-Sovjetiċi. Dan x’aktarx ikun ifisser li t-twemmin tal-għarus u l-għarusa ma jkunux jaqblu, u għalhekk ikun iżjed diffiċli li l-partijiet jissieħbu fi żwieġ b’rit reliġjuż.

Analiżi taċ-ċifri dwar żwiġijiet f’Malta (minħabba li l-istatistika ma tistax tiġi kkomparata mhux qed jitqies Għawdex) juru li fl-aħħar ħames snin, ftit li xejn kien hemm xejriet ġenerali. Fl-2005 u fl-2008, il-proporzjon ta’ Maltin li żżewġu Maltin b’rit reliġjuż kien ta’ madwar 94 fil-mija. Fl-2006 ir-rata kienet ta’ 94.5 fil-mija waqt li fl-2007 kienet ta’ 93 fil-mija.

Fl-2009 kien hemm tnaqqis għal 91 fil-mija. Dan ifisser li r-rata tiċċaqlaq marġinalment minn sena għall-oħra, iżda b’mod globali matul il-perijodu inkonsiderazzjoni, iktar minn 91 fil-mija taż-żwiġijiet bejn Maltin kien iċċelebrat b’rit reliġjuż.

Ħarsa lejn iż-żwiġijiet fejn mill-anqas waħda mill-partijiet kienet Maltija, fl-aħħar ħames snin il-medja ta’ żwiġijiet reliġjużi kienet bejn it-82.3 fil-mija u s-86.7 fil-mija, bir-rata tkun l-ogħla fl-2008 u l-anqas fl-2009. Għal darb’oħra, kien hemm ċaqliq mhux ħażin fil-proporzjon bejn sena u oħra.