Lady of Guadalupe

Aktar minn sitt miljun u mitt elf ruħ żaru l-bażilika ta’ Guadalupe bejn il-Ġimgħa u s-Sibt sabiex ifakkru l-478 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna lil Juan Diego fuq l-għolja ta’ Tepeyac. Dan skont ċifri uffiċjali li saru pubbliċi fil-jiem li għaddew.

Iċ-ċifra tikser ir-rekord storiku ta’ attendenza li kien inkiseb fl-2008 meta ftit iktar minn 6 miljuni żaru l-bażilika fil-festa tal-Madonna ta’ Guadalupe, jum meqjus bħala l-iktar importanti fil-kalendarju reliġjuż tal-Messikani. Stħarriħ riċenti wera li wieħed minn kull erba’ Messikani jgħidu li rċevew grazzja jew miraklu bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, padruna tal-Americas. Pellegrinaġġi minn kull parti tal-Messiku, mill-Amerika Ċentrali u oħrajn mill-Istati Uniti tal-Amerika, ngħaqdu fiċ-ċelebrazzjoni li inkludiet żfin tradizzjonali, ritwali pri-Ispaniċi u pellegrinaġġ ta’ mijiet ta’ eluf ta’ pellegrini li waslu l-Bażilika fuq l-irkupptejn.

Il-Bażilika fiha x-xbieha tal-Madonna ta’ Guadalupe li dehret mirakolożament lil Juan Diego fit-12 ta’ Diċembru 1531. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ikkanonizza lil Juan Diego fil-31 ta’ Lulju 2002.