L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Il-Papa Franġisku għandu eżortazzjoni appostolika bl-isem Ifirħu u Thennew, ispirata minn din is-silta minn San Mattew li għadna kif smajna – il-Beatitudnijiet. Il-Papa jgħid (ara nru 64): Kieku xi ħadd minna jistaqsi “x’għandi nagħmel biex ngħix ta’ Nisrani tajjeb?” ħu dawn il-beatitudnijiet u għixhom. Hemm għandek kif tista’ tgħix tassew il-ħajja Nisranija. Il-Papa jgħid: għal min hu fidil lejn Alla u l-kelma tiegħu, isib tassew il-ferħ meta jingħata. Dan hu li jsemmi Ġesù hawnhekk fil-Beatitudnijiet.

Meta Ġesù qal dan, diversi minn dawk li semgħuh ma qalux “kemm qed jitkellem sabiħ!” Anzi, ħafna kienu jaħsbu differenti minn dak li qal Ġesù hawn. Ġesù qal kliem li pjuttost dak iż-żmien kien provokattiv meta qed jgħidilhom min hu tassew hieni. Imma mhux dak iż-żmien biss. Jekk aħna naraw tassew x’qed jgħid, nindunaw  il-kuntrast li hemm bejn dan il-kliem ta’ Ġesù u dak li kultant aħna stess forsi nirraġunaw, jew diversi fis-soċjetà jirraġunaw u jsemmu dwar min hu hieni, fejn issib il-ferħ u min jagħmel suċċess.

Diversi żgur jgħidu li int tagħmel suċċess fil-ħajja meta jkollok ħafna affarijiet, meta tkun għani u iktar ma takkwista aħjar; kultant anke ma jkollokx dritt għalih, imma aktar ma ġġib lejk aħjar; meta inti tfittex dak li jagħtik pjaċir; meta ma tagħtix każ ta’ ġustizzja mal-oħrajn imma tfittex li jaqbillek; meta jekk hemm bżonn tidħol f’konflitt mal-oħrajn jew tkun iebes magħhom; meta jekk hemm bżonn issalva ġildek, iċċedi l-prinċipji tiegħek. Kultant nisimgħu dan ir-raġunament, jew narawh, u nindunaw li hu eżatt il-kontra ta’ dak li Ġesù jgħid fil-Beatitudnijiet.

Hawnhekk jgħid: aħna nkunu henjin meta nużaw tajjeb il-ġid li għandna u ma norbtux qalbna mal-ġid; meta nkunu strumenti ta’ paċi; meta nħennu u mhux nivvendikaw ruħna; meta aħna nibku ma’ min jibki u nkunu f’solidarjetà ma’ min qed ibati; meta aħna naħdmu għal ġustizzja vera u ma nkunux lesti nċedu l-prinċipji tagħna biex infittxu li jaqblilna; meta aħna nkunu lesti nbatu għal dak li hu sewwa.

Tindunaw li dan kliem differenti. Ġesù jgħid: hawn issib l-hena fil-ħajja tiegħek, għax il-qalb tagħna magħmula minn Alla biex hawn issib dak li jagħtiha tassew il-ferħ. U nnutaw il-kliem ta’ Ġesù: ma jgħidx “għix hekk u xi darba tkun hieni, xi darba ’l quddiem”, imma minn issa tkun hieni. Minn issa jkollok f’qalbek dan il-ferħ li jagħti hu, imbagħad tiksbu fil-ħajja ta’ dejjem b’mod sħiħ.

Il-Papa Franġisku jgħid: din mhix faċli. Dan li qed jitlob Ġesù mhix xi qoxra ta’ barra. Hi diffiċli. Għalhekk għandna nitolbu lil Ġesù biex lilna jeħlisna minn dak li jfixkel – mill-egoiżmu, mit-telqa, mill-kburija – ħalli nistgħu ngħixu tassew din il-kelma tiegħu. Nitolbu biex il-Beatitudnijiet, li jsemmilna llum fl-Evanġelju, ikunu tassew il-programm ta’ ħajjitna ħalli fl-għajxien tagħhom insibu tassew l-hena għal ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju