L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Eċċellenza, għażiż President tar-Repubblika, Mr Speaker, Onor. Ministru, Kap tal-Oppożizzjoni, imma fuq kollox ukoll lilek Onor. Prim Imħallef, membri kollha tal-Ġudikatura, intom u tibdew sena forensi ġdida, sena ta’ ħidma fil-Qrati tal-Ġustizzja, l-Evanġelju tal-lum jagħtina ħjiel ta’ x’għandha tkun il-missjoni tagħkom. Il-parabbola li aħna nafuha bħalha dik tas-Samaritan it-tajjeb, hi instigata minn wieħed minnkom, minn għaref tal-Liġi. Jiena jogħġobni ħafna dan it-titlu: ‘bniedem tal-Liġi li huwa għaref’ u nawgura li kull min hu espert u tgħallem iħaddem il-Liġi jkollu wkoll l-għerf mhux biss ix-xjenxa għax ix-xjenza tajba, imma l-għerf jagħti r-ruħ lix-xjenza.

Nafu li kien avukat żgur mir-reazzjonijiet tiegħu dan. L-ewwel nett jistaqsi mistoqsija lil Ġesù biex iġarrbu. Kull wieħed u waħda minna forsi għandna esperjenza ta’ xi interrogatorju spjaċevoli quddiem xi mħallef jew maġistrat u nafu xi tfisser mistoqsija trabukkett jew nassa. U din kienet waħda minnhom li tawha lil Ġesù biex iġarrbu. Qallu: “X’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 10:25). Nawgura li dan l-għaref fil-Liġi kellu għerf biżżejjed biex jifhem li r-risposti ta’ din id-dinja huma utli imma jwassluk sal-qabar. Mhux bilfors joqtluk imma jwassluk sal-qabar. Hemm għerf u kelma li twasslek ’il hemm: “niret il-ħajja ta’ dejjem”. Avukat tassew għaqli li jifhem li s-suċċess ta’ din id-dinja hu sabiħ imma limitat ħafna, hu frugħa.

Id-domanda tiegħu hi fundamentali “biex niret il-ħajja ta’ dejjem”. U Ġesù jirritorna d-domanda b’domanda oħra: “Fil-liġi x’hemm miktub?” Inti li taf il-liġi, xi ssib miktub fil-Liġi? “Inti x’taqra fiha?” (Lq 10:26). Din hi wkoll mistoqsija fundamentali għax Ġesù qed jistedinna biex immorru lil hemm mill-kelma tal-liġi u naraw ftit l-għerf, il-valuri moħbija fl-istituzzjonijiet tal-Istat, fil-valuri li tippromwovi l-Liġi. Ma tistax tkun liġi li tippromwovi l-ħajja tużaha biex toqtol. Kostituzzjoni li tagħtik id-dritt għall-ħajja, tużaha biex iċċaħħad id-dritt għall-ħajja. Mur ’l hemm mill-kelma u ifhem verament x’inti taqra.

Fil-missjoni tiegħek, kun bħal dak is-Samaritan it-tajjeb li meta ltaqa’ ma’ min kellu bżonn, ma għamilx bħall-qassis u l-Levita, ħares u baqa’ sejjer, imma waqaf, resaq lejn min għandu bżonn l-għajnuna – u din xi ħaġa li importanti ngħixuha f’kull professjoni, f’kull vokazzjoni – u għamel li hemm bżonn biex dan jgħix u jirkupra. “Wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwilu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda, ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukandu u qallu: ‘Ħu ħsiebu, jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi’” (Lq 10:33-35).

Għandna bżonn ħafna x’naħdmu biex iċ-ċittadin quddiem il-magna tal-ġustizzja jħossu rispettat fid-dinjità tiegħu.

Ħafna kummentaturi qaddisin kienu jaraw din il-missjoni li s-Samaritan jagħti lis-sid tal-lukanda, il-missjoni li tingħata lilna wkoll għal xulxin. “Ħu ħsiebu. Jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.” Il-Mulej jafdana lil xulxin. Jgħidilna: “meta nerġa’ niġi mhux biss nitolbok kont imma rroddlok ta’ kulma għamilt meta nerġa’ ngħaddi”.

Allura l-missjoni tal-avukat, tal-maġistrat, tal-imħallef, ta’ kull min qiegħed f’din il-missjoni importanti hi li aħna u naraw il-persuni fil-bżonn – huma min huma – hi x’inhi l-okkażjoni li quddiemek qed jidher persuna, ħati jew mhux ħati, ħatja jew mhux ħatja, vittma ta’ delitt, xi ħadd offiż jew urtat, jew kontroparti fi kwistjonijiet kummerċjali u ċivili. Kull min jirfes u jixref l-għatba tal-Qorti, ma jagħmilx hekk b’kapriċċ, anzi meta nirċievu dawk il-karti nieħdu qatgħa, aħna min aħna. Ma tmurx għal kapriċċ – jew għax il-missjoni tiegħek jew għax għandek bilfors tmur. U allura f’dak l-istat ta’ prostrazzjoni quddiem istituzzjoni li għandha ż-żminijiet tagħha – kultant bibliċi wkoll – inti vulnerabbli u għandek bżonn l-għajnuna.

Il-poplu jiġi rrispettat fid-dinjità tiegħu meta jintalab kont u ssir ġustizzja maż-żgħir kif ukoll mal-kbir

Allura t-talba tagħna hi li f’kull rwol li għandna aħna nkunu dawk li nkunu viċini lejn kull min għandu bżonn u nifhmu li quddiem il-magna tal-ġustizzja, aħna ċittadini nħossuna tassew vulnerabbli, kultant tallaba. Għandna bżonn ħafna x’naħdmu biex iċ-ċittadin quddiem il-magna tal-ġustizzja jħossu rispettat fid-dinjità tiegħu.

U din mhix xi ħaġa awtomatika; hi xi ħaġa li tieħu ż-żmien u l-paċenzja, għax nemmen li anke l-iżjed kriminal inkallit meta jkun trattat b’dinjità, jifhem li qed issir miegħu ġustizzja. Imma d-dewmien żejjed u l-ħela ta’ riżorsi u l-ineffiċjenza huma pjaga li iżjed ma neħilsu minnhom malajr – u nixtieq nirrikonoxxi l-isforzi kollha li qed isiru biex dan iseħħ ħalli nkunu anke ġusti fil-kummenti tagħna – iżjed ma nersqu lejn dak il-mument fejn kull min jersaq il-Qorti ma jħossux prostrat u vulnerabbli, imma jħossu ċittadin li qed jeżerċita d-dritt tiegħu jew qed jiġi msejjaħ għal dik il-kontabbiltà li tirrispetta s-Saltna tad-Dritt. U l-poplu jiġi rrispettat fid-dinjità tiegħu meta jintalab kont u ssir ġustizzja maż-żgħir kif ukoll mal-kbir. Min jista’ jifhem, ħa jifhem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Gal 1:6-12
Salm: 110 (111):1-2,7-8,9 u 10ċ
L-Evanġelju: Lq 10:25-37