Tassew hija ħasra li l-fatti dwar il-bejgħ ta’ art f’Ħal Għargħur mill-Knisja ġew mgħawġa u sfruttati tant li xi wħud waslu biex akkużaw lill-Arċisqof Charles Scicluna b’inġenwità u, agħar minn hekk, ipokrezija. 

Dan minħabba li l-Arċisqof kellu l-kuraġġ isemmi l-kultura tar-regħba filwaqt li appella mill-qalb sabiex kulħadd iqis aktar bir-reqqa t-tip ta’ żviluppi li qed isiru fl-ibliet u l-irħula tagħna.

Fl-omelija tiegħu f’Jum l-Indipendenza, l-Arċisqof fl-ebda ħin ma qal li l-iżvilupp f’Malta m’għandux iseħħ, kif uħud ippruvaw jgħidu għall-iskopijiet tagħhom. Dak li l-Arċisqof qal, u bir-raġun, kien li kultura tar-regħba waslet għal żvilupp ikrah u bla rażan li kerrah il-gżira tagħna.

Madankollu, kif jiġri spiss f’dawn il-każijiet, dak li seħħ sitt xhur ilu dwar il-bejgħ ta’ din l-art f’Ħal Għargħur u dak li qal l-Arċisqof ftit tal-ġimgħat ilu sfaw vittma ta’ kundanna mhux ġustifikata u ġew użati għal fini politiċi.

Qabelxejn, ta’ min wieħed isemmi li għal għexieren ta’ snin il-Knisja f’Malta ttrasferiet jew biegħet proprjetà li kienet fdata lilha. Fil-fatt, ħafna minn dawn ingħataw lura lill-Istat fl-1991 flimkien ma’ ftehim li jirregola l-finanzjament tal-iskejjel tal-Knisja. Sadanittant, il-Knisja żammet numru ta’ artijiet żgħar f’żoni ta’ żvilupp għal dak li tista’ tiġi bżonn fil-futur.

Fil-każ tal-art ta’ Ħal Għargħur, f’konformità mal-policies stabbiliti, il-Kurja kienet ħarġet sejħa interna għal espressjonijiet ta’ interess fost l-entitajiet djoċesani u offrietilhom l-opportunità li jakkwistaw din l-art għal skopijiet pastorali b’rata imnaqqsa. Wara li ħadd mill-entitajiet ma wera interess, inħarġet sejħa pubblika.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, fil-bidu esprima interess li jikkonverti din l-art f’ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani, xelter ta’ matul il-lejl u parkeġġ, iżda mbagħad din il-proposta ma ġietx segwita mill-kunsill. Għadd ta’ residenti wrew ukoll ix-xewqa li jingħaqdu u jakkwistaw l-art, iżda mbagħad ċaħdu l-istedina tal-Kurja biex jiltaqgħu u ddeskrivewha bħala ħela ta’ ħin. Għalhekk, il-Kurja kompliet bil-bejgħ tal-art sakemm eventwalment intlaħaq ftehim biex tinbiegħ.

Xi wħud jistgħu jkun li qed jistaqsu jekk il-Knisja setgħet ma tbiegħx din l-art mhux għammiela. F’dinja ideali, forsi setgħet. Iżda llum il-Knisja qed taffaċċja ir-realtajiet li qed jolqtu l-parroċċi u l-entitajiet tagħha. Dawn jinkludu sfidi kbar fuq id-dħul tagħha — li marru għall-agħar kawża tal-pandemija — u ħafna talbiet biex tgħin fost l-oħrajn familji u individwi, biex tħares il-patrimonju storiku b’konservazzjoni u restawr, u l-manutenzjoni tal-proprjetajiet tagħha li wħud minnhom kienu ilhom mitluqa għal għexieren ta’ snin.

Il-Knisja hija wkoll impenjata bis-sħiħ biex twettaq il-missjoni tagħha u tkompli tagħti kontribut siewi fis-soċjetà. Fost il-ħafna proġetti, riċentement il-Kurja għaddiet l-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera lil Hospice Malta sabiex tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva. Dan apparti l-appoġġ finanzjarju kontinwu li tagħti lil firxa wiesgħa ta’ individwi u entitajiet, inkluż djar għat-tfal u djar għall-anzjani fost ħafna oħrajn, li jwettqu xogħol imprezzabbli mal-persuni fil-bżonn.

Il-Knisja ma tistax taħrab mir-realtà li teħtieġ riżorsi finanzjarji biex tkun tista’ żżomm dawn l-inizjattivi pastorali. B’differenza minn negozji jew individwi privati li jbigħu l-art għall-interessi tagħhom stess, il-bejgħ ta’ proprjetà minn entitajiet tal-Knisja, meta jkollha tagħmel dan, issir purament għall-interess tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

Huwa għalhekk li l-Knisja eżerċitat id-dritt leġittimu tagħha li tbigħ din il-biċċa art, li tinsab f’żona ta’ żvilupp u li diġà hi mdawra bi żvilupp estensiv, f’Ħal Għargħur. Huwa għalhekk li l-Knisja qed tappella lill-awtoritajiet, u hekk se tkompli tagħmel, biex tiżgura li fl-ibliet u l-irħula tagħna jsir biss żvilupp li hu meħtieġ, li huwa proporzjonat mal-bini tal-madwar u li huwa wkoll sabiħ estetikament. Huwa proprju għalhekk li l-Knisja, jew kwalunkwe persuna jew entità oħra, m’għandhiex tinżamm responsabbli jew imġiegħla tħossha ħatja jekk jitħalla jsir żvilupp  fuq art mibjugħa lil terzi.

L-awtoritajiet pubbliċi qegħdin hemm speċifikament biex jikkontrollaw is-settur tal-kostruzzjoni u għandhom jiżguraw li fl-ibliet u l-irħula tagħna jsir żvilupp diċenti u sostenibbli. B’ħarsa ’l quddiem, dan jista’ jkun mument opportun sabiex dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika jirrevedu l-limitazzjonijiet tal-għoli tal-bini f’ċerti żoni, partikolarment fil-qalba tal-irħula.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Times of Malta tal-4 ta’ Ottubru 2021.