Vatican State

Rapporti mill-Vatikan qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tas-Santa Sede tista’ titjieb din is-sena, anke meta s-sitwazzjoni tibqa’ tkun waħda ta’ diffikultajiet kontinwi. Komunikat maħruġ mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal li l-2010 tista’ “tirrifletti it-tama ta’ xi forma ta’ evoluzzjoni finanzjarja u ekonomika”. In-nota ħarġet fi tmiem ta’ seminar ta’ jumejn għall-Kunsill tal-Kardinali li studja l-problemi ekonomiċi u ta’ organizzazzjoni fi ħdan is-Santa Sede.

Il-Kunsill presedut mill-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, ta ħarsa lejn il-baġits separate tas-Santa Sede u t-tmexxija tal-Istat tal-Vatikan.

Il-Papa Benedittu XVI innifsu għamel żjara waqt il-laqgħa tal-kardinali sabiex isegwi bir-reqqa l-osservazzjonijiet tagħhom u fl-istess waqt jirringrazzjahom għall-“kollaborazzjoni ta’ valur min-naħa tagħhom lis-Sede Appostolika”.

Il-komunikat wera li l-ikbar piż fil-baġit huwa l-ħlas ta’ salarji lill-2,668 impjegat fi ħdan is-Sanata Sede. Intqal li minkejja li ma kienx previst li jiżdied il-piż hawnhekk, il-piż jibqa’ jikber xorta anki minħabba l-adattazzjoni fis-salarji in vista tal-għoli tal-ħajja”.

Sezzjoni oħra li ngħatat attenzjoni kienet dik tal-manutenzjoni tal-media – Radju Vatikan, iċ-Ċentru Televiżiv u l-ġurnal L’Osservatore Romano – “fiċ-ċentru tal-attivita missjunarja tal-Knisja”. Żied li anki s-sitwazzjoni ta’ riċessjoni ekonomika, tablet aktar impenn fil-media li ovvjament jitlob iżjed impenn finanzjarju.

Fir-rigward tal-baġit tat-tmexxija tal-Istat tal-Vatikan, il-komunikat qal li l-ħidma li wasslet biex wieħed jirbaħ ċertu sfidi tas-sena finanzjarja li għaddiet, jimla lil kulħadd bit-tama għal fiduċja iżjed qawwija għaż-żmien li ġej.