Chiara Badano

Il-Moviment lajk kattoliku tal-Fokolari se jkollu daqt l-ewwel membru beatifikata. Chiara Badano, li mietet 20 sena ilu meta kienet għadha fl-adoloxxenza, se tkun beatifikata fil-25 ta’ Settembru li ġej. Dan tħabbar mill-Isqof Pier Giorgio Michiardi ta’ Acqui, l-Italja, li huwa l-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, hu li se jkun qed jippresiedi ċ-ċerimonja.

Żgħażagħ tal-Moviment tal-Fokolari se jkunu qed jiċċelebraw dakinhar il-beatifikazzjoni fl-Awla Pawlu VI. L-għada, is-26 ta’ Settembru, il-Kardinal Tarcisio Bertone, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, se jippresiedi l-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Bażilika ta’ San Pawl il-barra mis-swar. Chiara Badano twieldet fid-29 t’Ottubru 1971 lil ġenituri li kienu ilhiom jistennew wild għal 11-il sena.

Badano ġiet f’kuntatt mal-Fokolari meta kellha 9 snin u kienet attendiet mal-ġenituri tagħha festival tal-familja organizzat mill-Moviment u li ħalla impatt fuqhom. Minn dakinhar Badano saret attiva ħafna fil-Moviment. Ta’ 16-il sena għażlet li tiddedika ħajjitha lil Alla. Sena biss wara skopriet li kienet marida bil-kanċer fl-għadam.

Konsekuttiva kienet il-frażi fit-talb tagħha meta kienet toffri lil Ġesu t-tbatija tagħha; “Jekk tixtieqha, noffrihielek”. Kienet tistqarr ukoll li l-ewwel għażla tagħha kienet il-mixja lejn l-eternita.