Is-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS) tal-Azzjoni Kattolika se jorganizza l-‘Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju’ fl-Arċidjoċesi ta’ Malta bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu, Jum id-Duluri, u s-6 ta’ April, il-Ġimgħa l-Kbira. It-tema magħżula għal din is-sena hi: “Il-ferħ li tagħti”. Is-Segretarjat għażel din it-tema għaliex huwa meta tagħti u tagħti mill-qalb li tkun ferħan.  Għall-kuntrarju: meta tingħalaq fik innifsek tkun qed tifga t-tajjeb li hemm fik u tgħix ħajja bla skop.

Fil-Knejjes kollha matul il-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju ser jitqegħdu kaxxi vojta jew qfif biex in-nies jitfgħu l-offerti tagħhom. Bis-saħħa tal-offerti ġenerużi, speċjalment matul il-Ġimgħa tas-Sagrifiċċju, fis-snin li għaddew is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika kompla jiżviluppa l-ħidma tiegħu, u għen materjalment ħafna ndividwi u familji fil-parroċċi. Ħarreġ ukoll persuni u saħħaħ l-organiżazzjoni tiegħu biex jingħata servizz kemm jista’ jkun wiesa’ lil ħutna li jinħtieġu diversi forom ta’ għajnuna.

Is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika kompla żviluppa l-ħidma tiegħu biex illum, barra għajnuna materjali b’mod dirett lill-familji fil-bżonn, jgħin permezz tas-social workers tiegħu biex l-istess persuni jużaw il-potenzjal tagħhom stess u ma jibqgħux dipendenti fuq ħaddieħor u b’hekk jikbru f’dik li hi stima personali.

Din il-ħidma u servizzi oħra bħal ħruġ bil-Minibuses lill-anzjani u persuni b’diżabilità permezz ta’ tlett Minibuses bit-taillift li s-SAS għandu, jsiru grazzi għal ġenerożità tal-poplu Malti.