L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57) Dan hu li Ġesù jgħid lin-nies illum fl-Evanġelju skont San Luqa. Kien għadu kif għamel kritika, għax jgħidilhom: tafu taqraw is-sinjali tat-temp – tgħidu ġejja x-xita jew ġejja s-sħana – imma ma tafux taqraw is-sinjali taż-żmien. Imbagħad jgħidilhom: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?”

Din hija mistoqsija importanti. Tfakkarna li Ġesù dil-kelma użaha darb’oħra. Fl-Evanġelju skont San Luqa, Ġesù kien qal: “Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati” (Lq 6:37). Imma hawn qed jgħid lin-nies li għandhom jiġġudikaw: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” Allura x’qed jgħid Ġesù: għandna niġġudikaw jew ma għandniex niġġudikaw?

Nifhmu l-kliem ta’ Ġesù jekk naqraw sewwa l-Evanġelju. Hemmhekk mal-ewwel nifhmu li meta Ġesù jgħid “tiġġudikawx”, qed jgħid biex ma niġġudikawx lin-nies, speċjalment il-qalb tagħhom, kif huma qegħdin quddiem Alla. Dik Ġesù ried li aħna nħalluha f’idejna Alla, għax hu biss jaf il-profondità tal-qalb, hu biss jaqra tassew il-moħħ, hu biss jaf iċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja, hu biss jista’ jagħmel ġudizzju fuq il-persuna li jkun ġudizzju sewwa. Ara aħna, kultant, meta niġġudikaw, nagħmlu dan minn dak li jidher minn barra, l-impressjonijiet li jkollna. Għalhekk Ġesù jgħidilna “tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati”.

Imma hawn, meta Ġesù jgħid biex niġġudikaw x’inhu s-sewwa, x’qed jgħid? Hawn mhux qed jitkellem fuq il-qalb tal-persuna, imma qed jgħid li aħna għandu jkollna kriterju li jgħinna nagħrfu dak li hu sewwa u dak li mhux sewwa. Nifhmu lil Ġesù, għaliex hu stess kien qal fuqu nnnifsu li hu s-Sewwa: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Għalhekk iridna nagħrfu fih is-sewwa kollu. In-nies setgħu jaraw dan, meta rawh jagħmel il-mirakli, ifejjaq u jagħmel tant ġid; meta semgħuh jgħallem, setgħu jifhmu x’inhu s-sewwa. Imma minkejja dak li raw u semgħu, kien hemm min warrab is-sewwa. U kultant kien minħabba l-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien li influwenzaw lin-nies. Hu għalhekk li Ġesù jgħid: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” – flok tħallu lil ħaddieħor jinfluwenzawkom jew imexxikom minn imniħerkom.

Dan hu messaġġ importanti għalina, għall-ħajja tagħna. Ġesù jħeġġiġna biex aħna jkollna kriterju ta’ dak li hu sewwa u ta’ dak li mhux sewwa; u fil-ħajja, nagħrfu dak li hu sewwa biex nistgħu nilqgħuh, u nagħrfu dak li mhux sewwa biex nistgħu nwarrbuh. Fil-ħajja tagħna jista’ jiġri li aħna nagħlqu għajnejna kemm għal dak li hu sewwa kif ukoll għal dak li mhux sewwa. Hemmhekk inkunu żbaljati. Per eżempju, jekk jien għandi r-responsabbiltà ta’ post, ta’ uffiċċju, u naf li qed isiru prattiċi ħżiena, hemm il-korruzzjoni jew amministrazzjoni ħażina, ma nistax nagħlaq għajnejja u ngħid: “Ma niġġudikax”. Inkun qed infarfar ir-responsabbiltà. Irrid nerfagħha r-responsabbiltà li għandi, u fejn hu ħażin ngħid li hu ħażin biex ma jibqax, inkella nkun kompliċi jien. Għalhekk Ġesù qed jgħid li rridu niġġudikaw aħna dak li hu sewwa biex nilqgħuh u dak li mhux sewwa biex inwarrbuh.

Nitolbu lill-Mulej jagħtina d-dawl, l-għajnuna u l-qawwa tiegħu, biex aħna nagħrfu dak li hu sewwa u nilqgħuh f’ħajjitna, u nagħrfu dak li mhux sewwa biex inwarrbuh u ma nħalluhx imexxi lil ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju