L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Nixtieq li nħarsu lejn din il-ġrajja tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, u fiha naraw għajnuna u ispirazzjoni għall-ħajja konsagrata. Hemm din ir-rabta tal-ħajja konsagrata mal-Preżentazzjoni tal-Mulej għax Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù tarbija biex ikun ikkonsagrat lill-Mulej. Imma meta ħadu lil Ġesù fit-tempju, ma kienx Gesù li ġie kkonsagrat, imma hu, l-Iben ta’ Alla, ikkonsagra t-tempju.

Ħa nħarsu ftit lejn Xmun li kien fit-tempju u meta ra lil din it-tarbija – li minn barra ma kellha ebda sinjal li jgħid: ‘dan hu l-Messija, dan hu s-Salvatur’ – hu għaraf fiha lil Ġesù dawl tal-ġnus. Tliet darbiet jissemma’ fl-Evanġelju l-Ispirtu s-Santu li nebbaħ lil Xmun biex jagħraf fit-tarbija min kien Ġesù. Hemm seta’ jilqgħu f’dirgħajh u jfaħħar lil Alla u jgħidlu: “Issa, O Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtek”.

Hemmhekk ġa għandna xi ħaġa importanti ħafna għalina kkonsagrati lill-Mulej, għax hemm nifhmu li hu d-don ta’ Alla li aħna nilqgħu fina, bħalma Xmun laqa’ lil Ġesù f’dirgħajh, li jagħmel lilna nies ikkonsagrati.

Nilqgħu s-sejħa bħala don

L-ewwel punt li xtaqt insemmi llum, u li Papa Franġisku saħaq fuqu meta ċċelebra l-Festa tal-Kandlora ta’ din is-sena, hu li aħna nilqgħu dan id-don ta’ mħabba bħala grazzja minn Alla. Mhux aħna li qed nagħtu xi ħaġa lil Alla l-ewwel, imma hu li jagħtina dan id-don u aħna nilqgħuh bil-ferħ u bil-qalb u nagħmlu minn ħajjitna offerta lil Alla. Kull meta nħarsu lejna nfusna ngħidu: dan hu don ta’ Alla. Aħna nies ikkonsagrati lilu.

It-tama mhix ottimiżmu falz, imma li ngħixu r-realtà tant sabiħa li tana Alla u li naqsmuha mal-oħrajn.

Tafu x’differenza tagħmel fil-ħajja tagħna meta ħarsitna tkun fuqu minn meta ħarsitna tkun fuqna nfusna. Meta ħarsitna tkun fuqu, għax lilu aħna kkonsagrati, hemmhekk ikollna s-sens tal-ħajja tagħna. Meta jkun hu li jimla l-qalb tagħna, li jagħti s-sens lil ħajjitna, meta jkun lilu li aħna nwasslu, meta tkun tiegħu li nagħtu xhieda, hemmhekk inkunu tassew qed ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna. L-ewwel talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll hi li aħna qatt ma nħarsu lejna nfusna l-ewwel imma lejh li hu s-sens tal-ħajja tagħna, hu li jagħtina d-don kollu mħabba biex ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna.

Il-Papa jgħid li meta tħares lejk innifsek, u tara ħafna affarijiet jew fik jew madwarek li jdejquk, li tħosshom qed itellfuk fil-ħajja, offrihom lill-Mulej għax minna hu jista’ jagħmel tassew don sabiħ għall-oħrajn u għall-Knisja. Il-Papa jgħid li jekk aħna nħarsu lejn nfusna biss, nispiċċaw ikollna biex nilmentaw fuq kollox – fuqna nfusna, fuq il-kunvent tagħna, fuq il-kongregazzjoni tagħna, fuq il-Knisja, fuq is-soċjetà. Il-Papa jsejħilha “litanija tat-tgergir” u jgħid li ssir bħal “patri gemgem u soru gemgem” – kliem tiegħu. Dak jiġri jekk ħarsitna tkun biss lejna nfusna. Kemm hi ħaġa sabiħa li niftakru minn fejn ġej dan id-don u ħarsitna tkun dejjem lejn Alla.

Ngħixu l-voti li jsaħħuna fil-libertà

It-tieni punt li nixtieq insemmi hu marbut mal-voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza. Meta Alla jagħtina d-don, imbagħad jgħinna biex ngħixu l-konsagrazzjoni permezz ta’ dawn il-voti u jgħinna nħarsu lejhom bħala mezz ta’ libertà, mhux bħala piż. Għalhekk il-ħajja ta’ faqar, biex inkunu nixbhu lil Ġesù li kien kollox u kellu kollox imma sar tassew fqir. Hemmhekk għallimna li aħna nsibu l-għana tassew mhux fir-rikkezza tad-dinja imma fl-għotja tagħna nfusna. Il-faqar hu libertà ikbar. L-ubbidjenza – Ġesù li fittex li jagħmel ir-rieda tal-Missier, jgħallimni li jien irrid infittex mhux li naħseb jien, li ngħid jien, il-proġetti tiegħi, imma li ngħix l-libertà li nkun miftuħ għar-rieda tal-Missier. Il-Papa jgħid li l-ubbidjenza mhix l-ewwel nett dixxiplina, imma libertà li tgħinna negħlbu l-anarkija tagħna nfusna – kliem tiegħu. U l-ħajja ta’ kastità li mhix sterilità awstera, jiġifieri tagħlaqna fina nfusna, imma tgħinna ngħixu l-imħabba li tiftaħna għall-oħrajn. Ma ningħalqux fi mħabba partikulari, imma nkunu miftuħa għall-oħrajn.

Meta ngħixu l-ħajja ta’ faqar, ubbidjenza u kastità, kif iridna Alla, dawn il-voti jagħmluna aktar liberi, aktar ferħana, aktar fil-paċi f’qalbna biex ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna.

Nitolbu llum lil Alla l-grazzja biex aħna nilqgħu l-ħajja konsagrata bħala don tiegħu; biex inħarsu lejn il-voti bħala għotja ta’ liberta sħiħa; u biex inkunu tassew qaddejja ta’ Alla u tal-poplu tiegħu u dejjem innisslu t-tama kull fejn inkunu.

Inkunu qaddejja

It-tielet punt – dak li qal Xmun: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtek…” Xmun jirreferi għalih innifsu bħala qaddej. Is-sejħa tagħna hi li nkunu qaddejja ta’ Alla u tal-poplu tiegħu. L-ewwel fost dawk li magħhom ngħixu. Din hi sfida biex ma’ dawk qrib tagħna nuru spirtu ta’ qadi, mhux ta’ kunflitt, jew ta’ nuqqas ta’ sensittività fi kliemna u fl-attitudni tagħna. Imbagħad ukoll ma’ dawk li naħdmu magħhom, biex inkunu tassew qaddejja bħal Ġesù. Hemm insibu s-sens tal-konsagrazzjoni tagħna – li aħna nkunu nies li naqdu, u nieħdu pjaċir nagħmlu l-ġid. Kemm hi sabiħa meta tiltaqa’ ma’ persuni li jgħallmuk tieħu pjaċir tagħmel il-ġid, toħloq atmosfera sabiħa fejn tkun. Tieħu pjaċir għax tkun qed tagħti – imbagħad tirċievi ħafna!

Innisslu t-tama

Nagħmlu llum din it-talba, ispirati mill-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, biex inkunu nies ta’ tama. Xmun u Anna, li kienu fit-tempju, kienu sinjali ta’ tama. Li nkunu sinjali ta’ tama ma tfissirx li ma nagħrfux ir-realtà, li ma nagħrfux id-diffikultajiet li għandna fil-ħajja reliġjuża bħal, pereżempju, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Imma qatt ma għandna nkunu aħna li nxerrdu l-qtigħ ta’ qalb imma nkunu sinjal ta’ tama.

Aħna msejħa biex inkunu xhieda tal-ħajja tas-sema. Dan ifisser li meta jiltaqgħu magħna, in-nies jgħidu: ‘ara kemm hi sabiħa l-ġenna’; mhux jgħidu ‘allaħares inkun ma’ dik jew ma’ dak il-ġenna!’ Dan għax jaraw ix-xhieda fil-ħajja tagħna, xhieda li turi li aħna nies ta’ tama u nxerrdu t-tama. It-tama mhix ottimiżmu falz, imma li ngħixu r-realtà tant sabiħa li tana Alla u li naqsmuha mal-oħrajn.

Nitolbu llum lil Alla l-grazzja biex aħna nilqgħu l-ħajja konsagrata bħala don tiegħu; biex inħarsu lejn il-voti bħala għotja ta’ liberta sħiħa; u biex inkunu tassew qaddejja ta’ Alla u tal-poplu tiegħu u dejjem innisslu t-tama kull fejn inkunu.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju