Nhar il-Ħadd, 25 ta’ April, 2010, propju Ħadd wara l-miġja tal-Papa, se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet. Bl-għajnuna tas-seminaristi, tħejja programm għal dakinhar sabiex iż-żgħażagħ jiċċelebraw nofs ta’ nhar flimkien u joħolqu preżenza sabiħa. Il-programm jibda b’quddiesa li se tkun trasmessa fuq TVM u wara jitkompla b’attività simili għal treasure hunt li fiha il-parteċipanti jridu “jfittxu” aspetti marbuta mal-mixja vokazzjonali.

L-organizzaturi ta’ din l-attività qed jistiednu lil kulħadd biex jingħaqad fit-talb, kemm dak komunitarju kif ukoll personali, sabiex il-Mulej jagħmel minn kull nisrani strument adatt, u biex aktar żgħażagħ jirriflettu fuq l-għażliet tagħhom u jaraw fis-seminaristi preżenti mudell sabiħ ta’ ħajja nisranija.