• Il-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali 2014

  • Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, li ser jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd l-ewwel ta’ Ġunju 2014, is-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali nieda spot li ser jixxandar fuq l-istazzjonijiet tal-PBS. Il-messaġġ tal-ispot jistaqsi jekk il-mezzi tat-teknoloġija humiex iservu ta’ pont jew aljenazzjoni fil-komunikazzjoni soċjali. Il-kuntest tal-filmat huwa familja fil-ħajja ta’ kuljum, f’soċjetà teknoloġika.  

    Għal din l-okkażjoni wkoll, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., permezz tas-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali, qed jorganizza ‘Business Brunch’ għall-edituri tal-aħbarijiet u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-media. Dan ser isir nhar it-Tnejn 16 ta’ Ġunju 2014, f’nofsinhar, fil-Lukanda Excelsior, Floriana.

    Il-kelliem ewlieni ser ikun l-E.T. il-Professur Douglas Kmiec li ser jitratta s-suġġett: “Jekk is-sekularizzazzjoni ssir sekulariżmu, x’jiġri mid-demokrazija? Ir-relazzjoni bejn Knisja u Stat”.

    Il-Professur Kmiec huwa eksambaxxatur tal-Istati Uniti għal Malta, u fil-preżent huwa wkoll kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kungress Amerikan li ser isiru din is-sena. Il-Professur Kmiec huwa akkademiku u awtur, u riċentement qed jaħdem fuq ktieb, għall-Oxford University Press, relatat mat-tema tas-sekularizzazzjoni li ser jitkellem fuqha f’Malta.

    Skont il-Professur Kmiec, din it-tema hija attwali mhux biss għall-Knisja u l-libertà reliġjuża, iżda wkoll għas-soċjetà ġenerali. Is-sekularizzazzjoni hi proċess naturali li s-soċjetà tagħna għaddejja minnu. Is-sekularizzazzjoni tfisser li s-soċjetà tkun awtonoma u għalhekk it-tifsira li tagħti lir-realtajiet ta’ madwarha ma tkunx neċessarjament marbuta ma’ xi twemmin reliġjuż. Dan jimplika li l-Istat u l-Knisja jkunu t-tnejn ħielsa u awtonomi. Is-sekulariżmu jseħħ meta f’soċjetà tiġi maħnuqa kull referenza għat-tifsira reliġjuża direttament jew indirettament bid-deher jew bil-moħbi.

    Għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof Pawlu Cremona stieden lill-edituri u diriġenti tal-organizzazzjonijiet tal-media. Mistiedna wkoll l-ogħla uffiċjali tal-Awtorità tax-Xandir, tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u tal-Press Ethics Commission.

    Il-programm ta’ din l-attività jinkludi introduzzjoni qasira mid-Delegat tal-Arċisqof, Fr Charles Tabone O.P., preżentazzjoni mill-Professur Douglas Kmiec, ħin għal diskussjoni u interventi minn dawk preżenti, u l-messaġġ tal-Arċisqof għal Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali.