Filwaqt li kkonferma ż-żjara li se jagħmel l-Iskozja u li mistennija ssir f’Settembru, il-Papa Benedittu XVI appella għal tħejjija lill-Kattoliċi fil-qasam tal-vokazzjonijiet, partikolarment il-vokazzjonijiet li fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża u fil-ħajja lajkali.

“Iżjed tard dis-sena, se jkolli l-pajċir ningħaqad magħkom u mal-kattoliċi tal-Iskozja”. Hekk afferma l-Papa f’udjenza mal-Isqfijiet Skoċċiżi li kienu l-Vatikan fuq iż-żjara li ssir mill-Isqfijiet kull ħames snin. Qalilhom: “hekk kif qed titħejjew għaż-Żjara Appostolika, inkoraġixxu lill-poplu sabiex jitlob biex dan ikun mument ta’ grazzja għall-komunita Kattolika sħiħa ta’ pajjiżkom”.

Il-Papa kompla jgħidilhom, “ħudu l-opportunita biex kulħadd japprofondixxi l-fidi tiegħu u jfittex li jagħti xiehda tal-Evanġelu”.

Huwa temm jinkoraġixxi lill-Isqfijiet sabiex jagħtu wkoll formazzjoni lis-saċerdoti u s-seminaristi sabiex ikunu armati umanament, akkademikament u spiritwalment għall-ministeru tas-seklu 21. Il-Papa ma naqasx milli jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jifhem il-vokazzjoni speċjali tal-lajċi.