Fil-jiem li għaddew fil-Kappella tad-Dar tal-Kleru tqiegħed salib li jirraffigura lil Kristu Saċerdot imsallab imma f’pożizzjoni ta’ qawmien. Dan tpitter minn Dun Peter Paul Sultana li hu l-amministratur parrokkjali tal-parroċċa tal-Manikata. Il-pittura saret fuq l-injam wara li nħadmet bil-ġibs. Is-salib tbierek mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona.

Dwar il-pittura, is-saċerdot spjega li fil-fidi naraw is-salib bħala punt ta’ tluq għall-qawmien ta’ Ġesù. Għalhekk f’din il-pittura naraw lil Kristu f’direzzjoni ta’ qawmien, anke l-idejn ta’ Kristu jidhru li mhumiex fin-nofs tal-ispazju tal-injama orizzontali tas-salib, iżda qegħdin iktar ’il fuq sabiex jesprimi moviment ’il fuq, li jissimbolizza l-qawmien. Kristu bil-feriti tal-pjagi, issa m’għadux imsallab, imma tiela’ lejn is-sema.

L-istil li ntuża hu tal-ikoni Biżantini. Dan jidher ċar fl-użu tad-deheb, li jesprimi d-divinità, ir-realtà divina li dejjem jesprimu l-ikoni. Il-faxx aħmar mad-dawra tas-salib hu tipiku tal-ikoni, simbolu li jfakkarna li l-immaġni sagra hi bħal tieqa, li minnha tħares u tara realtà divina, il-ħajja ta’ dejjem.

“Jalla dan is-salib, u l-ħsieb ta’ Kristu rxoxt, ikun ta’ wens għall-presbiteri residenti f’din id-dar u għal kull min jgħaddi minn hawn,” qal Dun Peter Paul Sultana.