World Religions thread

Ċittadini Amerikani jistgħu jkunu fost l-iktar reliġjużi fid-dinja żviluppata, iżda meta jiġu għal tagħrif dwar ir-reliġjonijiet, l-Ateisti Amerikani jirriżulta li jafu iktar mill-Insara fl-istess kontinent. Dan hu wieħed mir-riżultati ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li dettalji tiegħu ħarġu fl-aħħar jiem. L-istħarriġ inħadem mill-Forum dwar ir-Reliġjon u l-Ħajja Pubblika fi ħdan iċ-Ċentru ta’ Riċerka, PEW.

L-istħarriġ staqsa 32 mistoqsija dwar ir-reliġjon – bħal x’reliġjon kienet tħaddan Madre Teresa, fejn twieled Kristu, x’reliġjon iħaddnu dawk li jgħixu fl-Indonesja, u jekk Dalai Lama hux Buddist. Il-Kattoliċi ġabu l-inqas skor, b’14.7 tal-mistoqsijiet jitwieġbu sew, ċifra li hi taħt il-medja nazzjonali li kienet 16 minn 32 mistoqsija mwieġba tajba. L-Ateisti u l-Anjostiċi deher li f’medja, wieġbu tajjeb 20.9, il-Lhud 20.5, il-Mormons 20.3 u l-Protestanti 16.

Hu wkoll rifless mir-riżultat tal-istħarriġ li l-Ateisti u l-Anjostiċi u l-Lhud qatgħu tajjeb tweġibiet ta’ mistoqsijiet dwar ir-reliġjon u l-ħajja pubblika, inkluż dwar dak li tistabbilixxi l-Kostituzzjoni Amerikana dwar ir-reliġjon. Madwar 45% tal-Kattoliċi Amerikani intevistati ma kienux jafu jwieġbu dwar it-tagħlim tal-Knisja dwar il-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Sakemm il-Bibbja titqies bħala ta’ valur kbir għall-Kattoliċi fl-Amerika, il-Mormons jirriżulta li wieġbu l-aħjar dwarha.

Skont it-taqsira ġenerali tal-istħarriġ, ħafna Amerikani kienu kapaċi jwieġbu tajjeb madwar nofs il-mistoqsijiet dwar il-Bibbja f’dan l-istħarriġ. “Għall-eżempju…madwar seba’ persuni minn għaxra jafu li skont il-Bibbja, Kristu twieled f’Betlehem. Iktar minn sitt f’għaxra wieġbu tajjeb dwar l-ewwel ktieb tal-Bibbja, li huwa dak tal-Ġenesi. Iktar min-nofs urew ukoll li jafu r-regola tad-deheb li ‘wieħed għandu jagħmel lil ħaddieħor dak li jixtieq li jagħmlu lilu’ mhix waħda mill-10 Kmandamenti”.

Dwar il-bibbja, irriżulta li l-Mormons wieġbu l-aħjar, segwiti mill-Protestanti Evanġeliċi, imbagħad mill-Ateisti/l-Anjostiċi, il-Protestanti suwed u l-Lhud. Dawn tal-aħħar ilkoll urew li jafu iktar mill-Protestanti u l-Kattoliċi ta’ ġilda bajda.