• Il-Ħamis, 8 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna attenda għal-Lejla ta’ Gradwazzjoni ta’ persuni li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga. Din iċ-ċerimonja bit-tema ‘Ħajjin mill-Ġdid’ saret f’San Blas u ġiet organizzata mill-entità tal-Knisja ‘Caritas Malta’.
     

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Ċentru San Blas, Ħaż-Żebbuġ
    8 ta’ Lulju 2016
    Jiena nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja l-ewwel nett lil kull min ħa sehem f’dan il-programm matul din is-serata llejla, għaliex irrealizzajt li s-serata tal-lejla tat ċ-ċans u opportunità lil ħafna residenti biex anke bil-preżenza tagħkom stess – u rrid ngħidilkom kelma ta’ kuraġġ – lilna tagħtuna tama kbira.
    Nixtieq insellem lilek, Aġent President, grazzi ħafna Eċċellenza tal-preżenza tiegħek, insellem lill-għażiż Arċisqof Emeritu Mons. Cremona, lill-Onorevoli Ministri, il-Kap tal-Opożżizzjoni, lil għażiż Mons. Victor Grech, lill-Vigarju Episkopali tiegħi għad-Djakonija, Mons. Cordina, u lilkom ir-residenti.
    Waqt li qed nirrifletti ftit fuq il-messaġġi li tajtuna llejla, mingħajr ma għamiltulna ħafna prietki għaddejtulna messaġġ li fakkarni fl-istorja li rrakkonta Ġesù: il-parabbola taż-żewġt aħwa, aħna nafuha ‘l-parabbola tal-iben il-ħali’, imma verament kienet parabbola ta’ żewġt aħwa. Wieħed minnhom ħarbat ħajtu, imma ħin minnhom għamel deċiżjoni: “Nerġa mmur lejn dar missieri” (Lk 15, 18). U Ġesù ried jenfasizza l-fatt li dan it-tifel, it-tifel iż-żgħir minn dawn iż-żewġt aħwa sab lill-missier lest li jerġa’ jilqgħu.
    Il-ħsieb tiegħi l-ewwel nett imur għall-ġenituri tar-residenti tagħna. Inwegħedkom it-talb u s-sapport tagħna. Naf l-imħabba tagħkom kemm switilkom u tiswielkom tbatija. Jiena din it-tbatija nberikha u nagħmlilkom kuraġġ biex tkunu tistgħu tagħmlu kuraġġ lil uliedkom.  
    Kien hemm ukoll tifel ieħor fil-parabbola, it-tifel il-kbir – dak li fid-deher m’għamilx żball, dak li ħa għalih għax missieru għamel festa kbira għaż-żgħir li kien ħarbat kollox imma reġa’ lura. U l-missier jerġa’ joħroġ mid-dar biex jilqa’ lit-tifel il-kbir u jispjegalu, “kull ma għandi huwa tiegħek” (Lk 15, 31), ‘illum irrid nagħtik qalbi wkoll’. Il-missier lit-tifel il-kbir għallmu lezzjoni kbira, għax mhux il-wirt tal-flus jew tal-għelieqi, imma mill-ġenituri għandha bżonn nitgħallmu x’jiġifieri l-imħabba u hekk ikollna kull ma jistgħu jagħtuna, l-iżjed ħaġa prezzjuża.
    Leonid, l-ewwel nett jiena m’għandix kliem biex nirringrazzjak. Inti taf li niltaqgħu regolarment biex taġġornani fuq ix-xogħol tal-Caritas li hija teżor ieħor tad-Djoċesi ta’ Malta, bħalma hi d-Dar tal-Providenza u tant oqsma oħrajn tad-djakonija. Imma inti temmejt din l-inkwadratura straordinarja ta’ injam umli imma li ġie ttrasformat f’xi ħaġa sabiha, bil-kuluri wkoll, peress li huwa abjad jirriflettu fuqu b’mod sabiħ.
    Jiena nixtieq nagħlaq b’kumment żgħir fuq dan id-disinn li għamlu resident li nixtieq niltaqa’ miegħu wara biex nifraħlu. Jien ukoll ħadt pjaċir ninnota li dan li dan l-injam umli li ġie trasformat, sar ukoll salib, is-salib tal-Caritas, għaliex il-Caritas tilqa’ lil dawn ħutna fil-mument li qegħdin fuq l-għolja tal-Kalvarju. Imma aħna nemmnu fit-tama tal-qawmien mill-ġdid li tibda minn din il-ħajja.
    Jiena nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-istaff tal-għajnuna, is-sapport u anke li meta Leonid joħlom b’xi inizjattiva ġdida, per eżempju li jkollna rehab għall-minuri, jafdana, jaħseb fina u jiena nwiegħed l-impenn tal-Arċidjoċesi permezz ta’ dan il-ġojell li huwa l-Caritas Malta, li aħna nikkoperaw mal-Istat għall-ġid taż-żgħażagħ u ta’ kull min għandu bżonn fis-soċjetà, għaliex il-kelma tal-Knisja ma tagħmilx sens jekk ma ssirx imħabba, jekk ma ssirx caritas.
    Insellmilkom u nberikkom. Grazzi.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
     
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja