Episcopal Church logo

Il-Knisja Episkopali se tissokta b’mod normali bid-djalogu ekumeniku hekk kif qed tevalwa l-implikazzjonijiet tal-pass li għamel il-Vatikan meta fl-aħħar jiem ħabbar kif se jgħin lill-Komunita Anglikana sabiex tintegra fi ħdan il-Knisja Kattolika.

L-Isqof Christopher Epting, uffiċjal ekumeniku fi ħdan il-Knisja Episkopali, qal dan fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li ħabbar il-Vatikan permezz tal-Kostituzzjoni Appostolika li se tippermetti lill-Anglikani jingħaqdu fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Il-kostituzzjoni Appostolika, li tipprovdi għall-preservazzjoni ta’ elementi ta’ tradizzjoni liturġika u spiritwali Anglikani, twieġeb għal talbiet ta’ Anglikani li esprimew ix-xewqa li jsiru Kattoliċi.

L-istqarrija kompliet li “aħna għadna fi djalogu mal-uffiċċju tal-Arċisqof Rowan Williams u fil-jiem ta’ ġejjin se nkunu qed inkomplu nesploraw l-implikazzjonijiet sħaħ ta’ din il-Kostituzzjoni fuq ir-relazzjonijiet ekumeniċi tagħna”.

“L-aħbar tirrifletti dak li l-Knisja Kattolika Rumana, bl-aċċettazzjoni tal-parroċċi bir-rit Anglikan, kienet qed tagħmel f’aktar informalita fl-aħħar snin”, kompla l-Isqof Epting.

“Aħna fil-Knisja Episkopali inkomplu nħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu li jiggwidana biex nifhmu xi tfisser li tkun il-Knisja tat-Tradizzjoni Anglikana”. L-Isqof Epting kompla jafferma li l-Knisja Episkopali se tibqa’ fi djalogu mal-Knisja Kattolika permezz tas-sehem fl-Anglican-Roman Catholic International Consultation (ARCIC) u fl-Anglican-Roman Catholic Dialogue fl-Istati Uniti tal-Amerika (ARC-USA). Il-Knisja Episkopali hi membru tal-Komunjoni Anglikana Dinjija.

Aktar kmieni dis-sena, il-Knisja, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fi New York, approvat Isqof gay u anki żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. Il-Primat attwalment hi l-Isqof Katharine Jefferts Schori, l-ewwel mara li qed tassumi dan l-irwol fi ħdan il-Komunjoni Anglikana.