Photo by Bennet P Biju

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kien il-Papa Franġisku li ried li l-għada ta’ Għid il-Ħamsin tiġi ċċelebrata t-tifkira ta’ Marija Omm il-Knisja u Xbieha tal-Knisja. Għaliex proprju l-għada ta’ Għid il-Ħamsin? Għax ilbieraħ aħna ċċelebrajna t-twelid tal-Knisja, u llum l-Papa jrid li niftakru li din il-Knisja għandha omm – Marija. Marija hija Omm il-Knisja u xbieha tal-Knisja. 

Kienu diversi qaddisin tul is-snin li sejħu lil Marija “Omm il-Knisja”, u kien il-Papa Pawlu VI, waqt il-Konċilju Vatikan II, li ried li hi jkollha dan it-titlu speċjali: Marija Omm il-Knisja. B’liema mod Marija hija Omm il-Knisja, u għaliex? Aħna rajna llum dik is-silta fl-Evanġelju skont San Ġwann fejn Ġesù qiegħed fuq is-salib. Taħt is-salib hemm ommu, Marija, flimkien ma’ xi nisa, u anke Ġwanni, id-dixxiplu tiegħu. U Ġesù, waħda mill-aħħar affarijiet li għamel hu u jmut fuq is-salib, hi li jgħid lil Marija:  “mara, hawn hu ibnek” – qed jgħid għal Ġwanni. U lil Ġwanni “Hawn hi ommok”. L-Evanġelju jgħid li “minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:27), jiġifieri Ġwanni fehem li issa dik hi ommu li jrid jieħu ħsiebha u hi tieħu ħsiebu. Imma fehem ukoll li billi hu kien l-uniku dixxiplu taħt is-salib, kien qed jirrappreżenta d-dixxipli l-oħra. Marija hija omm id-dixxipli, Marija għalhekk hija omm il-Knisja. 

Fil-fatt, narawha fil-bidu tal-Atti tal-Appostli, meta wara li Ġesù tela’ s-sema, inġabru fil-kamra ta’ fuq u kien hemm Marija fost dawn l-appostli. Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid li kienu magħqudin “qalb waħda…jitolbu flimkien” (Atti 1:14). Marija kienet dik li tgħaqqadhom, preżenza li tgħaqqad bħalma omm tgħaqqad lil uliedha; Marija kienet dik li wkoll tgħinhom biex jitolbu flimkien, bħalma omm tgħallem lil uliedha jitolbu.

Din it-tifkira tal-lum għandha messaġġ sabiħ għal ħajja tagħna għax tfakkarna li aħna, li niffurmaw parti mill-Knisja, għandna din l-omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna, li dejjem tħarisna. Hekk uriet ukoll tul l-istorja tal-Knisja – li għandna din l-omm li tħares il-Knisja. Imma wkoll għandna omm li hi xbieha tal-Knisja, jiġifieri fiha aħna naraw kif għandna nkunu bħala Knisja. Fil-fatt, l-aktar li nistgħu naraw hu propju fil-fidi tagħha. Eliżabetta kienet qalet fuq Marija: “Hienja dik li emmnet…” (Lq 1:45) Aħna nafu li Marija, l-ewwel darba li niltaqgħu magħha hu meta titkellem mal-anġlu, imbagħad tgħid:  “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Nafu li dak li qalet dak inhar għexitu dejjem fil-ħajja tagħha, sal-mument meta kienet taħt is-salib, il-mument tal-akbar tbatija. F’dan hi xbieha importanti għalina biex aħna wkoll inkunu dawk li nilqgħu l-kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna, u nfittxu li nagħmlu r-rieda tiegħu b’fidi sħiħa, fidi anke fil-mument ta’ tbatija.

Fil-parabbola li kien qal Ġesù, u li San Luqa jirrakkonta, tal-bidwi li ħareġ jiżra’, u ż-żerriegħa taqa’ f’postijiet differenti – fil-mogħdija, fuq il-blat, qalb ix-xewk, imma wkoll f’art tajba – meta Ġesù jagħti t-tifsira ta’ “art tajba” jgħid: “Huma dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ” (Lq 8:15). Marija hija l-eżempju ta’ dan. Bil-qawwa tal-fidi tagħha, laqgħet il-kelma, u għamlet il-frott billi żammet sħiħ. 

Il-Papa Franġisku fl-Enċiklika tiegħu Id-dawl tal-Fidi, jagħlaq b’talba sabiħa ħafna meta jsellem lil Marija bħala Omm il-Knisja u Omm il-Fidi. Nixtieq li nagħmluha t-talba tagħna llum. Jgħid hekk il-Papa: “Għin, ja Omm, il-fidi tagħna! Iftħilna s-smigħ tagħna għall-Kelma, biex nagħrfu l-leħen ta’ Alla u s-sejħa tiegħu. Qajjem fina x-xewqa li nimxu warajh, aħna u ħerġin minn artna u nilqgħu l-wegħda tiegħu. Għinna biex inħallu mħabbtu tmissna, biex inkunu nistgħu mmissuh bil-fidi. Għinna nafdaw fih bis-sħiħ, nemmnu f’imħabbtu, fuq kollox fil-waqtiet tat-tribulazzjoni u s-salib, meta l-fidi tagħna tissejjaħ biex timmatura. Iżra’ fil-fidi tagħna l-hena tal-Irxoxt. Fakkarna li min jemmen qatt mhu waħdu. Għallimna nħarsu b’għajnejn Ġesù, biex hu jkun dawl fil-mixja tagħna. U dan id-dawl tal-fidi ħa jikber dejjem fina, sa ma jasal dak il-jum bla tmiem, li hu l-istess Kristu, Ibnek, Sidna!” (Lumen fidei, 60).

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju