Il-Knisja f’Malta laqgħet lura b’mod uffiċjali liż-żgħażagħ mill-esperjenzi tagħhom tas-sajf waqt l-attività ‘World Café’. Din l-attività saret il-bieraħ filgħaxija, it-Tlieta 27 ta’ Settembru,  f’Savio College, Ħad-Dingli. Aktar minn 130 parteċipant inġabru madwar l-imwejjed biex jaqsmu bejniethom l-esperjenzi personali fil-volontarjat, fil-missjoni u fil-pellegrinaġġ tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ matul is-sajf.

L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ndirizza liż-żgħażagħ permezz ta’ kollegament bit-telefon peress li ma setgħax jattendi għal din l-attività. Mons. Cremona esprima d-dispjaċir tiegħu li ma rnexxielux ikun preżenti iżda qal li xorta waħda huwa seta’ jħoss il-ferħ u l-entużjasmu tagħhom.

World Café żviluppat b’mod kreattiv mill-attività ta’ merħba ‘Welcoming Back’ fejn kull sena l-Knisja tilqa’ lura liż-żgħażagħ. Din l-edizzjoni kienet organiżżata mill-grupp SPYS (Salesian Pastoral Youth Services) u ko-ordinata mill-Kummssjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ).

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]