“Mal-Għaqda Nazzjonali Armar fit-Toroq għadu ma ntlaħaqx ftehim. Madankollu aħna qalbna qawwija li naslu ukoll fi ftit żmien. Riedna niffirmaw mal-għaqdiet b’mod separat għaliex kull għaqda hi awtonoma.”

Hekk qal lil IL-ĠENSillum online din il-ġimgħa kelliemi għall-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof, fid-dawl tal-ftehim dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi reliġjużi, li kien iffirmat nhar l-Erbgħa bejn l-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta u l-Għaqda Każini tal-Banda. Il-ftehim ma kienx jinkludi l-Għaqda Nazzjonali Armar tal-Festi fit-Toroq – GħaNAFT. Dwar għaliex ma ntlaħaqx ftehim ma’ din l-Għaqda, il-kelliemi għall-Kurja qal biss li “kif għamilna qabel, ma nikkummentawx qabel nikkonkludu”. Fi żvilupp ieħor, fi stqarrija lbieraħ l- GħaNAFT ikkonfermat li fil-fatt ma kienx intlaħaq ftehim mal-Awtoritajiet tal-Knisja dwar diversi aspetti tal-organizzazzjoni tal-festa.

Intant stqarrija mill-Kurja qalet li dan il-ftehim kien iffirmat “wara li ż-żewġ naħat daħlu f’eżerċizzju ta’ diskussjonijiet bir-rieda li ċ-ċelebrazzjonijiet esterni tal-festi reliġjużi jkunu jixirqu dejjem iżjed l-ispirtu Nisrani u soċjali. Il-Kurja spjegat li d-diskussjonijiet segwew il-pubblikazzjoni fil-5 t’Ottubru 2009, aktar minn sentejn ilu, tad-dokument konsultattiv ‘Nirrestawraw il-Festi Flimkien’.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com