L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Wieħed mill-mumenti ibsin għal Ġesù kien meta hu għaraf li d-dixxipli bejniethom kienu qed jitkellmu fuq min kien l-akbar. Anzi, l-Evanġelju skont San Luqa jgħid li “qamet kwestjoni” bejniethom dwar min minnhom kien l-akbar. Kien mument ta’ għafsa ta’ qalb għal Ġesù għaliex kien imur kontra dak li għallimhom. Aktar u aktar meta dan ir-rakkont tal-lum jiġi eżatt wara r-rakkont meta Ġesù lid-dixxipli qed jgħidilhom għat-tieni darba minn xiex se jgħaddi, li se jingħata l-mewt: “Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin” (Lq 9:44).

X’għamel Ġesù? Irrabja mad-dixxipli? Kellu għalfejn kieku rrabja, imma Ġesù pprova jfissrilhom u jerġa’ jfissrilhom, forsi tidħol f’moħħhom u tidħol f’qalbhom, li fis-saltna tiegħu ma tirraġunax hekk. M’għandekx tirraġuna fuq min hu l-akbar u min hu l-aqwa. Għalhekk, biex ifehimhom, ressaq lejh tifel ċkejken u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.”

Nifhmu dal-kliem ta’ Ġesù li qalu aktar minn darba lid-dixxipli. Ried jgħidilhom li l-aktar importanti fis-saltna ta’ Alla mhux li aħna dixxipli tiegħu nħarsu lejna nfusna, imma li nħarsu lejh, lejn Ġesù, u fin-nies naraw lilu; fis-servizz li nistgħu nagħtu lin-nies, speċjalment lill-iżgħar u lill-aktar fil-bżonn, naraw lilu. Dan Ġesù qalu diversi drabi, bħal meta qal: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35). Iktar ’il quddiem, ta l-aktar stampa ċara li baqgħet f’moħħ id-dixxipli fl-Aħħar Ċena meta niżel jaħsel saqajn id-dixxipli u qalilhom: “Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:13-15).

Kif nafu, meta naqdu bħal Ġesù, ma nagħmlux hekk b’teatrin, għal wiċċ in-nies. Imma taqdi għax verament temmen li dak hu li jixtieq minna Ġesù, hemm hu l-kobor.

Dal-kliem id-dixxipli fehmuh b’mod sħiħ wara li Ġesù qam mill-mewt. Imma huwa kliem li jrid jiġi ripetut diversi drabi lilna, għax dejjem tibqa’ t-tendenza fina bħala bnedmin, u allura anke fil-Knisja stess, li aħna nitkellmu jew naħsbu fuq min hu l-akbar, min hu l-aqwa, min hu l-aktar superjuri, fejn hi l-preċedenza, min jiġi l-ewwel – dal-kliem u dal-ħsibijiet li meta tagħsarhom,  ma hemm xejn Evanġeliku fihom. Ġesù jridna naħsbu mod ieħor u ngħixu mod ieħor, waqt li aħna nħarsu lejh u niftakru li l-kobor qiegħed fil-qadi.

Għalhekk l-isbaħ titlu tal-Papa huwa “qaddej tal-qaddejja ta’ Alla”. Dak hu t-titlu li aħna għandna l-aktar ngħożżu mhux sempliċiment bħala titlu imma billi ngħixuh. Meta aħna ngħixu dal-kliem, allura jkollna f’qalbna dan l-ispirtu li nilqgħu lill-oħrajn, li nagħtu s-servizz lill-oħrajn speċjalment lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn, li nieqfu ma’ min ikollu b’xi mod jew ieħor ħtieġa ta’ xi ħaġa, li nagħmlu l-ġid. Hemm insibu l-akbar skop tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù, hemm inkunu tassew qegħdin nixbhuh. Kif nafu, meta naqdu bħalu, ma nagħmlux hekk b’teatrin, għal wiċċ in-nies. Imma taqdi għax verament temmen li dak hu li jixtieq minna Ġesù, hemm hu l-kobor. Jekk se nitkellmu fuq min jiġi l-ewwel u min hu kbir, jiġi l-ewwel Ġesù u min jixbhu tassew fil-qadi.

Nitolbu llum lill-Mulej biex jagħtina dan l-ispirtu, jippurifikana f’moħħna u f’qalbna minn ħsibijiet li jidħlu fina ta’ tfittxija ta’ min hu l-ewwel u l-akbar; jgħinna biex ngħożżu dak li jgħożż hu u biex ma norbtux qalbna b’xi mod ma’ dak li hu jistkerrah, u biex bħalu nkunu tassew qaddejja u nsibu l-kobor fil-qadi b’ħafna mħabba u b’ferħ kbir.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju