L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-kliem ta’ Ġesù li smajna fl-Evanġelju llum jista’ għal mument jinħass insensittiv, speċjalment lejn ommu. Hawnhekk naraw li Ġesù kien qed ikellem lin-nies, imbagħad xi ħadd jiġi jgħidlu: Hawn ommok u ħutek – kif nafu fl-Evanġelju “ħutek” huma “qrabatek” – qegħdin ifittxu li jkellmuk. Ma tiġrix spiss fl-Evanġelju li jgħidulu: hawn ommok u l-qraba tiegħek qegħdin ifittxu li jkellmuk; għalhekk timmaġina li Ġesù kellu jieqaf, jgħid lin-nies “skużawni ftit, għax hawn ommi barra ħa nara xi trid, ħa nkellimha naqra”.

Ma għamilx hekk Ġesù. Ma ħariġx ikellem lil ommu u lill-qraba tiegħu. Imma għamel xi ħaġa partikulari. Lil dak li ġie jgħidlu, Ġesù qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?” Imbagħad ħares lejn dawk li kienu qed jisimgħuh u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak hu ħija, u oħti, u ommi.”

Xi jrid jgħid bih dal-kliem Ġesù? Qiegħed qisu juri nuqqas ta’ rispett lejn ommu? Qiegħed ipoġġi fl-istess keffa lil ommu, li qiegħda barra tistenna li tkellmu, u n-nies li qegħdin ġewwa, qisu għalih xorta? M’hemmx nuqqas ta’ rispett f’dan li jgħid Ġesù. Anzi, meta aħna ngħaqqdu dan li jgħid Ġesù mar-rakkonti fejn hemm Marija preżenti fl-Evanġelju, nindunaw x’qed jagħmel Ġesù hawnhekk: bil-kliem tiegħu, qed ifaħħar lil Marija għall-kobor tagħha. L-ewwel nett il-kobor tagħha hu f’li għamlet ir-rieda tal-Mulej, u hi l-ewwel u l-akbar eżempju għal kulħadd f’dan: li hi dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda tal-Mulej.

Marija: hi dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda tal-Mulej

Fil-fatt, tolqotna f’Marija kif fl-ewwel rakkont, meta jidher l-anġlu Gabrijel u jgħidilha bil-ħsieb ta’ Alla li hi ssir omm Alla, hi ma setgħetx tifhem, ma kinitx qed tara ċar, imma meta indunat li minn Alla, qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.” U nafu li dal-kliem Marija mhux biss qalitu dakinhar imma għexitu ħajjitha kollha, sal-akbar mument tat-tbatija meta kienet taħt is-salib ta’ Ġesù. U nafu wkoll li l-aħħar kliem ta’ Marija li hemm fl-Evanġelju – ma kienx l-aħħar kliem li qalet, imma li hu reġistrat fl-Evanġelju – hu dak li tgħid fit-tieġ ta’ Kana meta lill-qaddejja tgħidilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Marija hi dik li dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla u tħeġġeġ lill-oħrajn – lilna lkoll – biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Hawnhekk Ġesù qed ifaħħar lil Marija għall-kobor tagħha, hi li dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla.

Imma qed jgħid ħaġa oħra importanti. Hawn Ġesù qed jgħid li aħna lkoll imsejħin biex nixbhuha f’dan, u hekk ngħixu tassew bħala l-familja ta’ Alla. Fil-fatt, innutaw: omm Ġesù kienet waħda, Marija, dik li wellditu; ħadd ma jista’ jixbahha f’dan. Imma li tagħmel ir-rieda ta’ Alla – u Marija hi l-aqwa eżempju f’dan – kulħadd jista’ jagħmilha, u aħna lkoll imsejħin biex nixbhuha f’dan. Għalhekk Ġesù faħħar lil Marija f’xi ħaġa li aħna lkoll nistgħu nixbhuha, anzi msejħin biex nixbhuha: li nfittxu li nagħmlu r-rieda tal-Missier f’ħajjitna.

Nitolbu llum, fit-tifkira għażiża tal-Madonna tal-Karmnu, li Marija tkompli tkun l-omm li tħarisna, li takkumpanjana, u li tgħinna biex f’ħajjitna nagħmlu dejjem ir-rieda ta’ Alla. Ikun dan l-akbar skop tal-ħajja tagħna, u nitolbu lil Marija biex tgħinna ħafna f’dan. Nitolbuha tkun magħna dejjem, kif nitolbuha fit-talba hekk għażiża li ngħidu tant spiss, “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju