L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Ġesù ħabbhom sal-aħħar. Parti minn din l-espressjoni tal-imħabba tiegħu kienet li jagħti xi xokkijiet lid-dixxipli tiegħu. Hawn, f’din is-silta, jagħtihom tnejn, xokk ikbar mill-ieħor.

L-ewwel meta hu stess niżel jaħsel saqajn id-dixxipli, u bir-raġun ħaduha bi kbira, bħalma jgħidlu Pietru. Din qatt ma kienet issir. Setgħu qalulu: ‘Qatt ma għamilna hekk, qatt ma ħdimna b’dal-mod’. Imma hu hemmhekk ried jispjegalhom l-iktar ħaġa importanti: li hu sar bniedem biex jingħata. Kien ukoll dak li kien se jagħmel fuq is-salib meta jagħti lilu nnifsu għas-salvazzjoni tagħna.

It-tieni xokk, ftit ikbar, kien meta qalilhom: Tafu x’għamiltilkom? Hekk għamlu intom ukoll. Dak il-ħin lanqas fehmu biżżejjed kemm din kienet se tfisser fil-ħajja tagħhom. Kellhom jifhmu dan aktar tard.

Għalhekk illum aħna niċċelebraw din il-ġrajja speċjali meta Ġesù fl-Ewkaristija li waqqaf – il-ġisem u d-demm tiegħu – ried jurina t-tifsira sħiħa tal-ħajja u tal-mewt tiegħu. Imma wkoll dak li għandna nagħmlu aħna, ibda minna s-saċerdoti, u llum infakkru t-twaqqif tas-saċerdozju, imma wkoll kull min jimxi warajh.

Illum hu jsejħilna, fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu bħalissa, għal dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ ‘il-kreattività fl-imħabba’, il-kreattività fil-qadi. Illum ma nistgħux nagħmlu bħalma għamel Ġesù dakinhar. Hu laqqa’ flimkien lit-tnax, imma aħna ma nistgħux inlaqqgħu flimkien il-komunità. Darhom wieħed wieħed b’dik l-attenzjoni personali, imma aħna rridu noqogħdu ’l bogħod. Niżel jaħsel saqajn kull wieħed, imma aħna ma nistgħux nagħmlu hekk, anzi rridu naħslu idejna mhux saqajn ħaddieħor.

Imma, kif semma l-Papa Franġisku, importanti li naħsbu b’mod kreattiv: kif aħna llum fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom inkunu ta’ servizz. Dak li għamel Ġesù dakinhar inkunu nistgħu nagħmlu b’mod differenti llum. Nistgħu naħsbu f’ħafna affarijiet, imma l-iktar importanti hu li ngħixu b’dan l-istess spirtu ta’ servizz, ta’ qadi, ta’ attenzjoni personali, ta’ mħabba li Ġesù wera li jixtieq mid-dixxipli tiegħu u li nsibu fit-tifsira tal-Ewkaristija. Kull darba li niċċelebrawha, ngħidu: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom … dan hu demmi li jixterred għalikom”.

F’ċerti każijiet, anki fi żmienna, hemm azzjonijiet erojċi, bħal dak is-saċerdot fl-Italja li kien bil-ventilatur u billi kien hemm xi ħadd ħdejh iżgħar, tahulu, għax ma kienx hemm biżżejjed ventilaturi; u s-saċerdot spiċċa biex miet.  Seta’ jagħmel hekk għax għadda ħajtu, bħalma qrajna wara fuqu, f’dan is-servizz kontinwu lin-nies u lill-komunità tiegħu. Ċerti każijiet huma proprju erojċi, bħal dan is-saċerdot, u oħrajn, kif ukoll tobba u diversi nies li qed jaħdmu f’dan il-qasam.

Anke aħna, li s-sitwazzjoni tagħna hi differenti, tajjeb li naħsbu: illum b’liema mod nistgħu nagħmlu dan is-servizz bl-istess spirtu ta’ Ġesù? L-iktar ħaġa importanti hi li aħna nifirħu meta naqdu. Li nagħmluh b’ħafna mħabba u ħafna paċi. Il-qadi tagħna qatt mhu mezz għal xi ħaġa, imma huwa skop. Ġesù wriena li dak hu l-istil tal-ħajja tagħna. Qatt mhu mezz biex minnu niksbu xi ħaġa, imma hu skop. Meta naqdu, il-qadi jagħtina ħafna sodisfazzjon mhux għax bilfors ikollna xi riżultat jew inkella għarfien ta’ li qed nagħmlu imma minnu nnifsu l-qadi jagħtina sodisfazzjon għax inkunu qed ngħixu bħal Ġesù, bħalma għallimna hu u bħalma xtaq minna hu.

Nitolbuh, għalhekk, f’din il-ġurnata għażiża ta’ Ħamis ix-Xirka, biex ikollna l-istess spirtu tiegħu u jgħinna naħsbu b’liema mod kreattiv nistgħu naqdu llum, fiċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu fihom. L-istess ħaġa li għamel Ġesù – l-attenzjoni personali – illum ma nistgħux nagħmluha wiċċ imb wiċċ, jew b’kuntatt viċin, imma b’modi differenti. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ngħixu l-ispirtu tiegħu, li qed niċċelebraw illum, u nagħrfu kif nagħmlu dan fiċ-ċirkustanzi tal-lum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju