Bejn is-7 u l-14 ta’ April 2010, il-Provinċja Agostinjana f’Malta iċċelebrat il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju fil-Kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat. Matul dawn il-jiem l-aħwa Agostinjani ltaqgħu għal żmien ta’ evalwazzjoni tal-ħidma li saret fl-erba’ snin li għaddew, kif ukoll programmazzjoni għall-erba’ snin li ġejjin. Dan il-Kapitlu sar taħt il-presidenza tal-Pirjol Ġeneral tal-Ordni ta’ Santu Wistin, W. Rev. P. Robert F. Prevost OSA bl-għajnuna tal-Assistent Ġenerali, Rev. P. Luciano de Michieli OSA.

Fost it-temi diskussi kien hemm il-kontribut tar-reliġjużi Agostinjani fil-qasam tal-edukazzjoni f’Malta, u kif is-sehem tal-Agostinjani fl-edukazzjoni tat-tfal u l-adoloxxenti jista’ jinserixxi ruħu aħjar fid-dawl tar-riformi edukattivi li attwalment għaddejjin fil-pajjiż. F’dan il-Kapitlu Provinċjali kellu jkun deċiż jekk il-Kulleġġ Santu Wistin jestendix l-operat tiegħu ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni primarja. Il-proċess għal deċiżjoni finali ilu għaddej ammont ta’ żmien, u kien il-Kapitlu Provinċjali, bħala l-ogħla organu tal-Provinċja Agostinjana f’Malta, li kellu jasal għal deċiżjoni aħħarija. Infatti, wara diversi diskussjonijiet fuq it-tema kien deċiż li l-Kulleġġ Santu Wistin jiftaħ ukoll skola primarja sabiex ikun jista’ jagħti edukazzjoni dejjem aktar sħiħa lit-tfal u jħejjihom b’mod tajjeb fuq valuri umani u valuri nsara.

Għaldaqstant, fiż-żmien li ġej ser ikunu iffinalizzati l-pjanijiet li tħejjew sabiex tinbena l-iskola primarja biswit il-binja attwali tal-Kulleġġ Santu Wistin, f’Tal-Pietà.