Bejn il-Ħamis u l-Ħadd, 13 u 16 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol attendiet għal laqgħa tal-GEPO (Grupp Ewropew tal-Pastorali tal-Ħaddiema) li saret f’Remich, il-Lussemburgu. P. William Bartolo ofm conv. u s-Sur Saviour Spiteri attendew f’isem il-KPDX Malta. Għal din il-laqgħa attendew rappreżentanti mill-Polonja, ir-Rumanija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Ingilterra, il-Portugall, l-Iżvizzera u miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara Internazzjonali. Kien hemm preżenti wkoll il-President tal-EZA (Ċentru Ewropew tal-Ħaddiema). Preżenti wkoll kien hemm l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Vincent Landel, l-Arċisqof tal-Marokk, li tkellem dwar ir-realtà tal-poplu tal-Marokk.

F’dawn il-jumejn kull rappreżentant ippreżenta l-ħidma li qed issir f’pajjiżu favur il-ħaddiem l-aktar fejn jidħlu l-emigranti. Wieħed jista’ jinnota d-differenzi ta’ esperjenzi u dan jgħinna nwessgħu l-għarfien tagħna fuq ir-realtà tal-emigranti u x-xogħol.

Dan is-seminar kien bħala kontinwazzjoni ta’ seminar li attendejna s-sena l-oħra li sar il-Portugall fuq l-istess tema u bħala preparazzjoni għal-laqgħa ġenerali li għandha ssir  f’Manchester is-sena d-dieħla.

Issemmew ħafna punti li jgħinu lilna l-Kummissjoni ninfurmaw irwieħna aħjar biex inkunu nistgħu ngħinu lis-soċjetà fil-qasam tax-xogħol. Fr Jean Claude Brau, li hu l-President tal-GEPO,  semma r-realtà ta’ emigranti żgħażagħ li jħallu pajjiżhom u li huma żgħażagħ utli għall-pajjiż u għandhom jiġu megħjuna biex jirritornaw pajjiżhom u jerfgħu r-responsabilità li jgħinu lill-pajjiżhom. L-emigrazzjoni, huwa qal, mhijiex fenomenu finanzjarju imma fenomenu aktar kumpless. L-immigrazzjoni mhijiex reat kriminu imma ġejja mill-fatt ta’ nuqqas ta’ sigurtà. Nitkellmu llum dwar ir-riskju li jġibu l-immigranti, u hawn hu jsaqsi: X’riskju? Ta’ xiex? L-immigrazzjoni tbiddilna; jalla din ir-realtà toħroġ l-aħjar nies minna. Irridu nagħmlu differenza bejn immigranti sfurzati u dawk voluntarji, bejn immigranti tal-baħar u dawk tal-fruntieri.

L-immigranti ħafna drabi jsibu ostakoli mill-istess familjari tagħhom li jibagħtuhom biex jgħinuhom finanzjarjament. Fr Brau semma r-regola tad-deheb li hija: “agħmel dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel lilek”. Din il-frażi għandna ngħixuha kemm mal-immigranti li jidħlu f’pajjiżna u anke mal-emigranti Maltin li jħallu pajjiżna.

Tkellimna u fassalna flimkien il-laqgħa tas-sena d-dieħla li se ssir f’Manchester. It-tema se tkun  Faith in Action (It-twemmin fl-azzjoni). F’Manchester il-kummissjoni t’hemmhekk hija impenjata ħafna fost il-ħaddiema f’kull qasam; ħaddiema ta’ kull klassi u twemmin, ħaddiema li huma bla xogħol. Hemmhekk il-Knisja tissussidja lil tmien ħaddiema full-time li jaħdmu favur id-drittijiet tal-ħaddiem.

Il-Kummissjoni tagħna taħdem b’mod differenti għax ngħixu f’realtà differenti imma dawn il-laqgħat dejjem jgħinuna biex nieħdu esperjenzi ġodda ta’ kif il-Knisja tista’ tgħin aħjar lill-ħaddiem.