Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi, il-Knisja f’Malta qed torganizza kunċert bis-sehem ta’ tlett tenuri ta’ fama internazzjonali magħrufa bħala ‘The Priests’. Dawn huma Fr Martin O’Hagan, Fr Eugene O’Hagan u Fr David Delargy, lkoll saċerdoti Kattoliċi mill-Irlanda ta’ Fuq. Din hija l-ewwel darba li ‘The Priests’ ser jagħtu kunċert f’Malta. Il-kunċert ser isir nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju 2013, fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, fis-7.30 p.m.

Il-kunċert ‘The Priests in Malta’ jinkludi s-sehem tas-soprano Maltija Gillian Zammit li ser tkun qed tkanta mat-tlett tenuri. Il-kunċert ser jitmexxa minn Fergus Sheil, li huwa d-direttur mużikali ta’ “The Priests”. L-orkestra ser tkun ffurmata minn disa’ mużiċisti Maltin. Ir-repertoire għal dan il-kunċert jinkludi mużika klassika u kontemporanja, fosthom ‘You raise me up’ ta’ Rolf Lovland, ‘Funiculi Funicula’ ta’ Denza, ‘Bring Him Home’ ta’ Claude-Michel Schonberg mill-musical Les Miserables, ‘Pie Jesu’ ta’ Andrew Lloyd Webber, ‘You’ll never walk alone’ ta’ Rogers & Hammerstein, ‘Amazing Grace’ ta’ John Newton, ‘Ave Maria’ ta’ Schubert u ‘Panis Angelicus’ ta’ Cesar Franck.

It-trio ta’ tenuri Irlandizi ilhom ikantaw flimkien mis-snin sebgħin, meta kienu għadhom studenti fil-Kulleġġ St MacNissi fl-Irlanda. Fl-2008 huma ffirmaw ftehim mal-kumpanija tad-diski SonyBMG u ħarġu l-ewwel album f’Novembru tal-istess sena. Huma ingħataw il-privileġġ li jirrekordjaw dan l-album fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-Vatikan. Dan l-album bl-isem ‘The Priests’ jinbiegħ f’aktar minn tlettin pajjiż u sal-lum inbiegħu aktar minn miljun kopja fl-Irlanda biss. Huma rrekordjaw żewġ albums oħra li wkoll kisbu suċċessi kbar u numru ta’ awards. Dawn huma l-album bl-isem ‘Harmony’ u l-album ‘Noel’ b’innijiet tal-Milied.

Is-suċċess mużikali ta’ ‘The Priests’ ħadhom f’diversi pajjiżi madwar id-dinja biex jagħtu numru ta’ kunċerti, fosthom fl-Ingilterra, fl-Italja u fl-Istati Uniti. Madanakollu huma jistqarru li l-prijorità tagħhom tibqa dejjem il-ministeru tas-saċerdozju u l-ħidma pastorali li jwettqu fil-parroċċi tagħhom. Il-messaġġ tagħhom permezz tal-kant u l-mużika huwa intiz li jmur lil hinn minn kull reliġjon u kultura, u għandu l-għan li jwassal it-tama u l-paċi madwar id-dinja.

Il-biljetti għall-kunċert ‘The Priests in Malta’ jistgħu jinxtraw mill-booking office tal-Istitut Kattoliku jew mis-sit elettroniku www.istitutkattoliku.com. Dan il-kunċert huwa possibbli wkoll bis-sehem ta’ Costa Kafe, Velprint Ltd u Digital Magic.