L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jien ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux”. Dan hu li Ġesù jgħid illum lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju skont San Mattew. Żgur li din tinstema’ stramba. Kif lill-bniedem ħażin ma tiqaflux? Jekk bniedem qed jagħmel il-ħsara, qed iweġġa’ lil ħaddieħor – rajna llum fl-ewwel qari bniedem li jagħmel il-ħażin – jekk bniedem juża l-vjolenza kontra ħaddieħor, ma tiqaflux, tħallih jagħmel li jrid?

Nistgħu nifhmu aħjar il-kliem li qed jgħid Ġesù hawnhekk meta niftakru dak li għedna fis-salm, fejn għedna: “Għax int m’intix Alla li tħobb il-ħażen, il-ħażin ma jsibx postu għandek”. Hu ċar li Alla ma jaħmilx il-ħażen, ma jridx dak li hu ħażin. Imma hu dejjem jagħmel distinzjoni – ħaġa li nsibu diffiċli ħafna drabi biex nagħmlu, u kultant ngħidu li ma tistax issir – bejn dak li hu ħażin, u l-bniedem. U għalhekk juri kif għandek taħdem kontra dak li hu ħażin, imma mhux tispiċċa biex lill-bniedem tgħajru, tinsulentah, tweġġgħu minħabba l-ħażen tiegħu.

Nafu li din id-distinzjoni hi importanti ħafna għalina, għax nafu li kemm-il darba r-reazzjoni tagħna tkun reazzjoni ħarxa. Għalhekk Ġesù jsemmi hawnhekk: “Smajtu xi ntqal”, qed jgħid għat-Testment il-Qadim, “għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Issa din, jekk nifhmuha tajjeb, fit-Testment il-Qadim kienet restrizzjoni, mhux kif forsi nifhmuha llum, li għal kull għajn tieħu għajn u sinna għal sinna, jiġifieri li tista’ tpatti lil ħaddieħor jekk mhux ukoll għandek tpatti. Dak iż-żmien kienet restrizzjoni, jiġifieri, qed jgħid: tagħmilx reazzjoni vjolenti għall-ħażin li tirċievi, għal għajn tkissirlu wiċċu u għal sinna tkissirlu x-xedaq, imma kun ristrett. Dak kien it-Testment il-Qadim – “għajn b’għajn u sinna b’sinna” kien mod kif toħloq restrizzjoni.

Imma Ġesù qed jgħid lid-dixxipli tiegħu: intom mhux hekk. U qed jgħid xi ħaġa tant importanti: kemm hu sabiħ fil-ħajja li naħdmu biex ikollna libertà fil-qalb, li mhux kontinwament qed nagħmlu reazzjoni għal ħaddieħor; kif isemmi hawn Ġesù, għal kull ħaġa li nirċievu rridu nagħmlu reazzjoni, u nispiċċaw biex il-ħajja tagħna tkun biss reazzjoni. Mentri hu qed jgħid: ħa jkollna dik il-libertà tal-qalb li tgħinna nimxu b’mod seren. Naħdmu kontra dak li hu ħażin, imma nagħmluh b’mod seren. Għandna l-eżempju sabiħ tiegħu fil-Passjoni, fl-Evanġelju skont San Ġwann, meta Ġesù kien quddiem il-qassis il-kbir u wieħed mill-għases tah daqqa ta’ ħarta. U x’għamel Ġesù? Insulentah? Għajru? Tahielu lura? Ma għamel xejn minn dan! Imma Ġesù qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn. Imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ idek fuqi?” (Ġw 18:23). Araw ir-reazzjoni ta’ Ġesù.

Għandek taħdem kontra dak li hu ħażin, imma mhux tispiċċa biex lill-bniedem tgħajru, tinsulentah, tweġġgħu minħabba l-ħażen tiegħu

Dak hu li jitlob minna. Iridna naħdmu kontra dak li hu ħażin, imma dejjem b’rispett lejn il-persuna, qatt b’mod li ngħajru, inweġġgħu, ninsulentaw lill-persuna. Għandna naħdmu kontra dak li hu ħażin? Dażgur li għandna naħdmu! Jekk, pereżempju, liġi hi ħażina, għandek tiqfilha, tissielet kontriha, jekk liġi tmur kontra l-ħajja tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem? Dażgur li għandek! Imma tagħmel dan b’mod raġunat, tagħmel dan mingħajr ma tweġġa’ lin-nies jew tinsulta lin-nies, u tagħmel dan biex taħdem tassew kontra l-ħażen u favur dak li hu tajjeb. Dan hu li jixtieq minna Ġesù: li jkollna din il-libertà fil-qalb, għalhekk mhux kontinwament reazzjoni, u reazzjoni ħarxa, għal dak li qed nisimgħu, naqilgħu. U wkoll li jkollna l-ġenerożità. L-aħħar kliem li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum hu: jekk xi ħadd jgħidlek biex timxi miegħu mil, mur tnejn, agħti lil min jitolbok. Ġesù jrid li jkollna din il-ġenerożità li tagħmilna tant nixbhu lilu. Nitolbu llum il-grazzja tal-libertà fil-qalb u tal-ġenerożità li tagħmilna tant nixbhu lilu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju