• Il-Ħadd 12 ta’ Ġunju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali u niseġ il‑Paniġierku fil‑festa ta’ San Filippu ta’ Aġġira, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna 

  • Knisja Parrokkjali Ħaż-Żebbuġ
    12 ta’ Ġunju 2016
    Illum qegħdin hawn biex nagħmlu festa solenni lil dan l-qaddis straordinarju u kbir fil-fedeltà tiegħu. Filippu huwa kbir għax għandu ismu miktub fis-smewwiet.
    Fl-Evanġelju, id-dixxipli jerġgħu lura wara l-missjoni li tahom – kienu tnejn u sebgħin, ma kinux l-appostli imma d-dixxipli magħżula mill-Mulej, mibgħuta tnejn tnejn bil-qawwa tal-Mulej biex ixandru s-Saltna ta’ Alla, ifejqu l-morda u jkeċċu x-xjaten. Irritornaw lura ferħanin, nimmaġinahom għajjenin ukoll, u lill-Mulej jgħidulu bil-qawwa li kellhom f’ismu fuq ix-xitan. Il-Mulej jikkonferma l-esperjenza tagħhom: “Kont narah lix-xitan jaqa’ mis-sema qiesu berqa”. Jikkonferma wkoll is-setgħa li għandhom: “Tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u l-iskorpjuni u fuq kull qawwa tal-għadu li xejn ma jista’ jagħmlilkom ħsara” (Lq 10, 18-19).
    Meta tħarsu lejn l-istatwa sabiħa tal-bottega  Luigi Fontana u tilmħu lil San Filep jisħaq is-serp tal-għadu, ftakru fil-kelma ta’ Ġesù li għadna kemm qrajna u li tħabbrilna llum “Tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u l-iskorpjuni”, is-setgħa fuq l-għadu. “Mhux b’dan ifirħu” jgħid, “li l-ispirti joqgħodu għalikom, ifirħu għax għandkom ismijietkom miktuba fis-smewwiet” (v. 20). Xi tfisser il-kelma ta’ Ġesù  li jkollok ‘ismek miktub fis-smewwiet’? Jekk nifhmu din, nifhmu wkoll il-kobor veru ta’ San Filep, l-għażiż patrun ta’ din il-Parroċċa.
    L-ewwel nett li inti jkollok ismek miktub fis-smewwiet hija li tkun tgħallimt tkun wild is-saltna. Jekk intom ma tkunux bħat-tfal ċkejnin ma tidħlux fis-saltna t’Alla. L-ewwel pass huwa t-tfulija spiritwali: li inti meta titlob it-talba li għallimna Ġesù u tgħidlu: ‘Missierna’, tgħidlu ‘Abba’, li din il-ħaġa tgħixha.Ismek miktub fis-smewwiet jekk lil Alla aċċettajtu fil-qalb tiegħek, fir-ruħ tiegħek, fil-ħajja tiegħek bħala missier veru tiegħek.
    L-ewwel domanda li rridu nagħmlu, għeżież ħuti: aħna Alla għadu Missierna? Aħna ferħana, ħerqana li nkunu wlied is-Saltna tas-Smewwiet? Is-Saltna tas-Smewwiet tixbaħ lil xibka li terfa’ kollox, imma mbagħad jagħżlu t-tajjeb mill-ħażin (Mt 13, 47-48). Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ġawhra li biex jiena ma nitlifhiex, lest li nħalli kollox, għax meta nsibha b’ferħ kbir nirrealizza li ksibt il-veru teżor ta’ qalbi (vv. 45-46). Li jiena jkolli ismi miktub fis-smewwiet hija li jiena l-ħobż li niekol ikun ħobż safi u li dak li ngħid fuq il-proxxmu jkun ġej minn qalb mimlija mħabba.
    Ir-risposta għal min għandu ismu miktub fis-smewwiet, neħduha mis-Salm Responsorjali li tħabbar llum. Fir-responsorju, għal diversi drabi għamilna din il-mistoqsija li ġejja wkoll mis-Salm, “min joqgħod fil-għolja Mqaddsa tal-Mulej? Min jista jidħol fis-santwarju tiegħu? Min jista’ jaf li ismu hu miktub fis-smewwiet?” (ara S. 14).  Ħuti, l-ewwel premessa li rridu nagħmlu hi li isimna jkun miktub fis-sema, mhux għall-merti tagħna imma għall ħniena kbira tal-Mulej, għall-miżerikordja tiegħu, għall-imħabba tiegħu li biha jaħfrilna dnubietna u jilqagħna kontinwament bħalma l-missier jilqa’ lil ibnu li telaq u reġa’ rritorna.
    “Min joqgħod fuq il-għolja Mqaddsa tal-Mulej? Min jgħix bla ħtija u jagħmel is-sewwa. Min jgħid is-sewwa minn qalbu, min ma jqassasx b’ilsienu, ma jagħmilx deni lil għajru, min ma jgħajjarx lil proxxmu tiegħu” (S.14). Dan hu min iweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej, min jekk jaħlef lil għajru, ma jerġax lura minn kelmtu, min ma jieħux rigali kontra l-innoċenti, min għandu jdejh indaf u qalbu safja, min ma tax ruħu għall-frugħa u lanqas ma ħalef bil-qerq. Dan ikollu barka minn għand il-Mulej u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu. Mela r-risposta nsibuha fis-Salm Responsorjali, dan is-salm li jurina l-vera kobor u qdusija ta’ San Filep.
    Aħna rridu mmorru lura lejn l-għerq ta’ dan il-qaddis għax anke l-provinjenza ta’ San Filippu, jew San Filep kif aħna nsibuh, għandu messaġġ attwali ħafna. It-tradizzjoni tgħidilna li dan il-qaddis, pont ideali bejn il-Lvant u l-Punent, kellu l-oriġini tiegħu, Filippu twieled fl-Assirja. L-Assirja, seklu ilu, kienet isem għal dak li llum huwa l-Lebanon, is-Sirja kienet ukoll anke t-Turkija.
    Il-qaddis tagħna ġie mill-Lvant bħalma qegħdin jiġu fuq id-dgħajjes fil-Mediterran, ħutna, li aħna nsibu diffikultà biex nilqgħuhom. Ma tistax tkun veru devot ta’ San Filep jekk inti tonora lilu u tiddisprezza lil min jiġi minnu, lil ħutu mit-twelid. Dawk in-nies li ġejjin mis-Sirja fuq id-dgħajjes fil-Mediterran, qegħdin imutu bil-gzuz għax aħna qed indumu ma nilqgħuhom, jew ma rridux nilqgħuhom. Jiġu minnu, huma niesu! Jekk inti llum verament trid tiċċelebra l-festa ta’ San Filep li kien ġej mis-Sirja jew mill-Assirja ta’ dak iż-żmien, trid tgħid: ‘jiena nagħmel ħilti biex dan il-bniedem li ġie mill-Lvant u li evanġelizza fil-Punent, fl-oqsma ta’ Sqallija u li berikna bl-interċessjoni tiegħu elf sena wara, anke f’dan ir-raħal, dan huwa bħalhom, huwa ħuhom! Ma nistax niddisprezzahom jew inkun razzist fil-kummenti tiegħi għax inkella d-devozzjoni tiegħi lejn San Filep hija vojta jew mhix infurmata biżżejjed. Allura nonoraw lil qaddisin u ħafna drabi ninsew l-għeruq tagħhom. Meta intom titolbu lil San Filep, qegħdin titolbu bniedem mis-Sirja, Sirjan. Tant hu hekk li anke fi Sqallija huwa magħruf bħala ‘Siriaco’, isem ieħor li jingħatalu.
    Tagħlima mill-ħajja ta’ San Filep li nħoss li hija verament attwali u essenzjali, hi li San Filep intbgħat Aġġira. Apprezzajt il-fatt li fit-tfulija tiegħu, San Filep ħass is-sejħa li jitlaq lill-artu, lil dar missieru. Hu għalhekk għandna l-Ewwel Qari li b’xi mod jieħu ritratt tad-deċiżjoni li ħa San Filep meta kien għadu żgħażugħ: “itlaq minn artek, mingħand il-familja tiegħek, minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik u nagħmel minnek ġens kbir” (Ġen 12, 1-2). Filippu ma kellux tfal, imma aħna wliedu spiritwali! San Filep għandu din il-ħaġa kbira ta’ paternità spiritwali. Huwa missier spiritwali mhux biss tal-poplu ta’ Aġġira fejn kien mibgħut minn Ruma biex jevanġelizza, imma tagħna wkoll għax bl-eżempju tiegħu aħna evanġelizzati. Ta’ kull sena rridu nistaqsu: ‘il-ħajja ta’ dan il-qaddis għażiż tagħna, x’qiegħda tgħallimna llum?’
    San Filep ħass b’qawwa kbira l-vokazzjoni li jmur Ruma, bniedem tal-Lvant, bniedem marbut ma’ knejjes antiki. Insemmu biss Antijokja fejn Pietru kien l-ewwel Isqof, qabel mar Ruma, fejn aħna l-Insara għall-ewwel darba konna msejħin Kristjani. Filippu kien ġej minn dik it-tradizzjoni, il-missjoni orjentali li tixhed din il-ħaġa. Minn Ruma, is-suċċessur ta’ San Pietru, jibagħtu Sqallija, il-Magna Grecia, f’ambjent kbir u sabiħ li aħna marbutin ħafna miegħu għax id-djoċesi tagħna sal-1830 kienet suffraganja ta’ Palermo. Aħna marbutin ħafna ma’ Sqallija mhux biss minħabba San Filep imma minħabba l-istorja ekklesjastika tagħna. Aħna minn dejjem konna marbutin mal-Knisja ta’ Sqallija: ħadna d-devozzjoni lejn Sant’Agata minn Sqallija, id-devozzjoni lejn San Filep, ħadna devozzjonijiet lejn il-qaddisin, anke mill-mod kif niċċelebraw il-festi.
    It-tagħlima importanti ta’ dan il-vjaġġ li għamel Filippu mill-Assirja għal Ruma u minn Ruma għal Sqallija, jurina li min irid iħobb lil Kristu tassew ma jistax jagħmel il-ġid jekk ma jkunx maqgħud ma’ San Pietru u mal-Knisja. Kultant tisma’ b’għafsa ta’ qalb: ‘ma Kristu iva, mal-Knisja le, għax dawn kollha ħallelin!’ Dak jiġġudikah Alla, u min jieħu dak li mhux tiegħu jrid iroddu, imma l-qaddisin jgħallmuna li biex ikollhom veru qawwa fuq l-għadu u fuq ix-xitan ma jistgħux jiddisprezzaw il-Knisja, l-Għarusa tal-Mulej. Il-qawwa li Filippu wera f’Aġġira u li juri anke fostna, bl-interċessjoni qawwija tiegħu, ġejja mill-fatt li mhux biss bl-għażla tiegħu bħala żgħażugħ, imma anke bil-fidi u bil-ministeru tiegħu huwa kien maqgħud mal-Knisja ta’ Ruma, kien mibgħut mis-suċċessur ta’ San Pietru.
    Ammirajt t-titular li kien riċentament restawrat. Kwadru tant sabiħ li għandu iżjed minn mitejn u ħamsin sena. Fih nammiraw lil Filippu jeżorċizza, naraw il-qawwa tas-Santissima Trinità, għaliex l-eżorċizmu jsir fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Hemm ukoll San Pietru li qed jinterċedi għal Filippu, għax l-eżorċiżmu jsir bil-qawwa tal-Knisja, f’isem il-Knisja.
    Fit-Tieni Qari smajna lil Pawlu jgħidilna li, “il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam imma kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet” (Ef 6, 12). Jekk qed nisimgħu lil Pawlu jgħallimna li fil-Knisja ma jistax ma jkollhiex il-qawwa kontra l-ħażen, huwa Alla imma din il-qawwa ġejja billi aħna nkunu maqgħudin ma’ Kristu permezz tal-għarusa tiegħu. Jekk tisimgħu lil xi ħadd jgħidilkom: ‘jiena ma’ Kristu iva, anke ma’ San Filep, imma mhux mal-Knisja għax dawk kollha assassini’, għidlu: ‘inti ma temminx veru fi Kristu, m’intix veru devot ta’ San Filep’. Għaliex San Filep, meta mar Ruma ma rax biss qdusija. Meta Filippu mar Ruma, speċjalment fir-raba’ seklu ma rax biss eżempji tajbin, imma ma tilifx il-fidi, ma tfixkilx, imma ggranfa mal-ħniena tal-Mulej, għax dik il-qawwa tiegħu.
    Għalhekk, San Filep mirfud bl-enerġija li kellu, bil-marka tal-Isqof ta’ Ruma, tas-suċċessur ta’ San Pietru, imur f’art fejn hemm bżonn terġa’ tisma’ l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju sabiħ ta’ Ġesù Kristu, il-qawwa tal-Mulej li huwa mħabba. Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, Filippu keċċa x-xjaten, kien bis-saħħa ta’ dawk li kienu mifnijin mill-ispirti ħżiena. Energumenorum Salus, mhix kelma faċli. Din tinsab fuq il-kwadru titulari u fuq il-bradella tal-istatwa titulari tant sabiħa. Energumenorumx’inhi? Iż-żgħażagħ jifhmuni jekk ngħidilhom enerġija jew energy drinks dak li jagħtuk enerġija. Il-kelma ġejja mill-istess għerq, tirreferi għal dawk li jkunu tant qliel, li ma tistax tikkontrollahom. Aħna nafu x’jiġifieri meta xi ħadd minn ħutna jinfexx f’rabja kbira, f’dagħa faħxi, ma tistax tikkontrollalu l-aggressjoni tiegħu. Meta tiltaqgħu ma’ xi ħadd mifni bil-qilla tar-rabja, tal-frustrazzjoni, jew anke bid-dipressjoni, itolbu lil San Filep. It-titlu sabiħ tiegħu li ġej mill-qawwa li hemm fir-ruħ tiegħu, mill-fedeltà tiegħu lejn l-Isqof ta’ Ruma, jew lill-Knisja, lejn Ġesù. Hija propju din il-qawwa fuq dawn li huma l-Energumeni, dawn li ma jistgħux jikkontrollaw lilhom infushom. Aħna lil San Filep nitolbuh li hu l-Energumenorum Salus, biex jagħtina l-qawwa nikkontrollaw il-ġibdiet ħżiena tagħna, il-vizzji tagħna, l-addictions tagħna.
    Ħuti, ħa ngħidha kif inħossha: meta tisma’ li waqt il-festi tagħna, waqt il-briju jkun hemm okkażjoni biex iż-żgħażagħ tagħna, minflok jifirħu b’qalb safja, jiġu ttentati bid-drogi jew bl-abbuż tal-alkoħol jew bil-vjolenza, jiena nsewwed qalbi. Ngħidha għax naf x’qed ngħid u ngħidha b’wiċċi minn quddiem u bħala ragħaj tagħkom: aħna ma nistgħux inkunu devoti tal-qaddisin tagħna imbagħad il-marċi brijjużi tagħna li għandhom ikunu okkażjoni ta’ ferħ, nagħmluhom okkażjoni ta’ vizzju. Ejjew naħdmu flimkien biex dak li hemm bżonn jissaffa, jissaffa, ħalli l-festa tagħna tkun vera festa sabiħa. Sabiħ il-briju, sabiħ il-ferħ, sabiħa l-banda u  sbieħ l-affarijiet kollha li jagħmlu l-festa tagħna dik li hi, imma ma nagħmluhomx okkażjoni ta’ vizzju jew ta’ dnub. X’jiswa li inti tiġi l-festa u għadek ma qerrejtx? Tiġi l-festa u għax għandek x’tagħmel għal San Filep, ma tiġix il-quddiesa? X’jiswa? X’se jgħidlek San Filep hu u jurik it-Trinità Qaddisa b’idejk merfugħa fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu?
    San Filep, l-Energumenorum Salus, jinterċedi wkoll għall-morda tagħna. Hu jfakkarna f’Alla li huwa mħabba: il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. San Filep ma jaħbilniex is-salib ta’ Ġesù Kristu, anzi l-qawwa tiegħu fuq ix-xitan, il-qawwa tiegħu fuq is-serp infernali, fuq id-dragun tal-infern, huwa s-salib. Bis-salib ta’ Ġesù Kristu, Filippu jisħaq ras is-serpent. Kull fejn hemm is-salib ta’ Ġesù Kristu: il-mard, in-niket, in-nuqqas ta’ skop fil-ħajja, in-nuqqas ta’ xogħol jew ta’ dinjità, jew l-inkwiet fil-familja, fejn hemm is-salib ta’ Ġesù Kristu, ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Filep biex hu jdawwalna bid-dawl tal-Evanġelju jiktibna miegħu fil-ktieb tal-ħajja, jgħallimna nżommu sħiħ billi “nħażżmu ġenbejna bis-sewwa, nilbsu l-korazza tal-ġustizzja, inxiddu f’riġlejna bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem. Nieħdu f’idejna t-tarka tal-fidi li biha nistgħu nitfgħu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-ħażin, nilbsu l-elmu tas-salvazzjoni” (ara Ef  6, 14-17). Fuq kollox f’idejna naqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hija l-kelma t’Alla.
    Filippu, is-saċerdot li għaqqad f’ħajtu u bil-missjon tiegħu l-Orjent tal-Mediterran u l-Punent, għandu jkun ukoll pont fejn hemm il-firda jew inkella pika żejda, ikun dak li jgħallimna li l-qawwa fuq ix-xitan li hu supperv, hija qawwa ta’ umiltà; li l-qawwa fuq ix-xitan li huwa l-akkużatur, hija li aħna nużaw ħniena ma’ xulxin u kliem ta’ ħniena ma’ xulxin; li l-qawwa fuq ix-xitan li jkasbar lil Alla, huwa li aħna nfaħħruh. Kif jista’ jkun li inti tgħid li inti devot ta’ San Filep u mbagħad ma tagħmilx ħiltek, biex nikkontrollaw il-kliem ħażin u d-dagħa? Jew inkella biex ikollna kultura li ma tkasbarx lil Alla għal xejn b’xejn, imma li tonorah, mhux biss biex nirrespettaw il-libertà reliġjuża ta’ xulxin. Bħala nies ta’ fidi nemmnu li Alla huwa l-Ħallieq ta’ kull ġid, l-għajn ta’ sliem vera li jistħoqqlu kull ġieħ. Ejjew nitolbu bl-interċessjoni qawwija ta’ San Filep.
    Jiena llum ġejt bħala l-Isqof tagħkom, nitlob lil San Filep għad-Djoċesi tagħna u għal din il-Parroċċa għażiża, kbira u żgħażugħa, mimlija enerġija pożittiva, qawwija, sabiħa Nisranija. Aħdmu biex ikollkom l-għaqda, u aħna fid-Djoċesi wkoll naħdmu biex ikollna kliem ta’ paċi għal xulxin, kliem ta’ għaqda u kliem ta’ ħniena. B’hekk inkunu tassew devoti ta’ San Filep u isimna jkun miktub fis-smewwiet. Viva San Filep!
     ✠ Charles J. Scicluna                                                          
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Joe P. Borg, Parroċċa Ħaż-Żebbuġ