Mission Sunday

Il-Papa Benedittu XVI ħareġ bil-messaġġ tal-Jum Missjunarju Dinji , iċċelebrat f’Ottubru li ġej. It-tema għall-messaġġ ta’ din is-sena huwa marbut mar-radjazzjoni tal-kelma tal-verita li ħallielna Ġesu. Il-messaġġ tal-Papa hu maqsum f’erba’ partijiet. Fl-introduzzjoni, il-Jum Missjunarju Dinji jitpoġġa fil-kuntest tal-50 anniversarju tal-Konċilju Vatikan II, id-Dikjarazzjoni Konċiljari Ad gentes, is-Sena tal-Fidi u l-Assemblea Sinodali dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.

Viżibbilment separati b’titli, l-erba’ partijiet tal-messaġġ tal-Papa huma ddedikati għall-ekkleżjoloġija missjunarja, il-priorita tal-evanġelizzazzjoni, il-fidi u l-proklamazzjoni u l-proklamazzjoni li ssir imħabba. Fil-konklużjoni tal-messaġġ, il-Papa jirreferi għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-proċess t’evanġelizzazzjoni fid-dinja.

Fi kliem il-Beatu John Henry Newman, il-Papa jitlob bl-interċessjoni tal-Madonna, sabiex il-Mulej jakkumpanja l-ħidmiet missjunarji t’evanġelizzazzjoni u jnebbaħ lill-missjunarji biex isibu kliem addattat li jwasslu l-isforzi tagħhom biex jaħsdu l-frott mixtieq.