L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk” (Mk 10:28). Pietru jitkellem f’isem l-oħrajn kollha. U donnu qed jgħidlu: allura, Mulej, aħna, wara li għamilna d-deċiżjoni x’se nieħdu? B’xi mod Pietru qed jitkellem ukoll f’isimna. Għax aħna mingħajr ma rridu, in-natura tagħna l-bnedmin, hekk iġġagħalna naħsbu. X’hemm għalija fiha din? X’se jmissni? Ġesù ma jgħidlux, se tibqgħu bir-riħa. L-ewwel nett jirrikonoxxi li l-istedina tiegħu u l-esiġenza tal-Evanġelju titlob minna distakk u libertà; li jweġġgħu. Li tħalli lil ħutek jew lil ommok, lil missierek, lil uliedek – għax ma jistax ikollok, jew jekk ikollok ma tistax tirrikonoxxihom; lill-għelieqi. Il-Mulej iwegħedna ħafna iżjed. L-esperjenza tagħna, li meta nintelqu f’idejn il-Mulej, mhux biss fis-saċerodozju jew fl-episkopat; imqar fiż-żwieġ, inti tagħżel mara waħda, u tlaqt lill-oħrajn kollha, tista’ tiġi waħda isbaħ, u tgħid: ‘issa bbukkjat, m’hemmx tagħmel’. Għalkemm kultant anke dik ma tantx għadha moda.

Il-ħajja u l-esiġenzi tal-Evanġelji jiddisponuna u jitolbuna għażliet iebsa. Il-Mulej ipattilna b’familja kbira ħafna. Jekk niftakru fil-ħajja ta’ Mons. Mercieca, fiċ-ċokon iċċaħħad minn ommu u missieru, fis-Seminarju Minuri u mbagħad fis-Seminarju tal-kbar; fl-istudji tiegħu f’Ruma, fejn b’baġit ċkejken kellu jsegwi. Kultant kien jirrakkonta xi aneddotu. Intom tafu kemm kien riservat Mons. Mercieca, imma kultant kien jirrakkonta wkoll. Darba minnhom kien qalli li biex imur f’parroċċa kien jirkeb mutur, u biex ma jħossx il-bard, u kien qalli: ‘Xi darba ppruvaha, Charlie’. Ma nafx jekk xi darba ppruvajthiex. Kien qalli: ‘Kont nagħmel gazzetta taħt il-ġakketta għax dik tilqagħlek iżjed il-bard’. Kien juża l-karti tal-gazzetta bħala insulazzjoni. Il-Mulej pattielu b’ħafna u ħafna wlied u magħhom tah ukoll ħafna faraġ, kif ukoll tah uġigħ tal-moħħ u tal-qalb.

Aħna xhieda diretti tal-persekuzzjoni li kellu jgħaddi minnha u għadda minnha Mons. Mercieca

Imma xi ħaġa li tolqotni fil-lista, u din insibuha biss fl-Evanġelju ta’ San Mark. Hemm xi ħaġa partikolari fih dan l-evanġelju, li meta Ġesù jagħti l-lista: “m’hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej” (Mk 10:30). Aħna xhieda diretti tal-persekuzzjoni li kellu jgħaddi minnha u għadda minnha Mons. Mercieca. Meta kienu jgħidulu: is-Sur Mercieca, u tant titli ‘sbieħ’ oħra.

“Il-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej” (Mk 10:30). Aħna ltqajna hawnhekk b’din il-fidi, il-fidi li l-wegħda tal-Mulej, li rajnieha sseħħ fil-ħajja ta’ Mons. Mercieca, li mir-Rota Rumana ġie mibgħut hawnhekk. Naħseb qatt ma ħolom li jkun awżiljarju ta’ Mons. Gonzi. Darba minnhom waddbu t-taraġ, imma baqa’ ħaj għall-grazzja t’Alla. Issa midfunin qrib xulxin, jistennew il-ħajja ta’ dejjem. Biex niftehmu, Mons. Gonzi li mbotta lil Mons. Mercieca u mhux bil-maqlub.

Kellu ħafna artijiet, u kellu ukoll bil-ftehim, bħalma jiġri lil ħafna isqfijiet, jara kif jew joħduhomlu bil-qorti jew bil-liġi, jew bit-taħwid tal-bnedmin – waħda minnhom. Il-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.  

Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu. Jistrieħ fis-sliem. Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Piet 1:10-16
Salm: 97 (98):1.2-3ab,3ċ-4
L-Evanġelju: Mk 10:28-31

Aktar ritratti >>